L-għada tal-Għid il-Kbir, ir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru f’Ħal Lija mtliet bil-ħajja, mill-mijiet ta’ tfal li attendew għall-ewwel edizzjoni tal-“Egg Hunt at The Villa”.
Tfal ta’ bejn is-sitt snin u t-tnax-il sena attendew għal din l-attività b’għan nobbli f’Villa Francia, fejn kien hemm bosta attivitajiet immirati għalihom, f’atmosfera kkulurita b’tiżjin u karattri popolari mat-tfal.
Tkellimna ma’ wħud miċ-ċkejknin, waqt li kienu qed jagħmlu xi attività, bħal face painting u darts; ilkoll entużjasti biex jilagħbu u jqattgħu l-ħin ma’ sħabhom.
Ma setax jonqos li l-qofol intlaħaq meta saret it-tfittxija għall-bajd; logħba marbuta mal-festi tal-Għid.
Waqt li t-tfal bdew iqallbu fil-ħaxix u jippruvaw isibu ċ-ċikkulata, tkellimna ma’ tifel minnhom, li ħsibnih qed ifittex ukoll, imma li fil-fatt kien hu li ħeba l-bajd u kien qed jara lil sħabu jfittxuh.
Ma’ dawn it-tfal ingħaqdet ukoll bint il-Prim Ministru u martu Lydia, Giorgia Mae.
“Jiena llum ġejt hawnhekk biex nilgħab ma’ tfal ta’ daqsi, u l-isbaħ ħaġa li nagħtu donations lil Puttinu.”
Fil-fatt, kull min attenda għal din l-attività b’għan nobbli, kien imħeġġeġ jagħti donazzjoni lil Puttinu Cares.
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li malli tħabbru d-dettalji ta’ din l-attività, mill-ewwel deher l-entużjażmu tal-ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom għal din l-attività fi spazju mill-isbaħ, iżda wkoll b’sens altruwist biex jiġu megħjuna tfal fil-bżonn.
“It-tfal ġew hawnhekk b’entużjażmu, jieħdu sehem f’numru ta’ attivitajiet flimkien mal-ġenituri tagħhom. Il-Villa nfetħet ukoll għal tfal li jgħixu f’residenzi tat-tfal, li kienet esperjenza sabiħa ħafna għalihom u anki esperjenza għalina, li stajna ngawdu hawnhekk ftit tal-ħin magħhom. Din l-attività kellha wkoll għan ieħor: li jinġabru flus għal Puttinu Cares, jiġifieri din kienet attività fejn gawdejna ħin ta’ kwalità mat-tfal u għamilna ġabra għal Puttinu Cares, li jagħmlu daqstant xogħol importanti ma’ tfal pazjenti.”