L-Għid il-Kbir huwa l-Jum li fih il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.
Filwaqt li l-Għid f’Malta huwa sinonimu mal-purċissjonijiet, il-bajd u l-figolli, lil hinn minn xtutna, jiġi ċċelebrat b’modi differenti.
It-tradizzjoni tat-tsourgrisma, hija fost it-tradizzjonijiet Griegi, li jżewqu dan il-jum. Din il-logħba tirrikjedi li kulħadd jifqa’ bajda fuq oħra, u dak li jibqa’ sal-aħħar jingħad li jkollu l-fortuna.
Fil-Polonja, l-għada tal-Għid, igaraw l-ilma lil xulxin. Din hija tradizzjoni relatata mal-Magħmudija ta’ Prinċep Pollakk, mijiet ta’ snin ilu.
F’raħal żgħir fin-nofsinhar ta’ Franza, in-nies tal-lokal iżommu l-appuntament annwali tagħhom sabiex jaqsmu froġa li tirrikjedi madwar 15-il elf bajda, u titma madwar elf ruħ.
Jingħad li din it-tradizzjoni bdiet minn żjara ta’ Napuljun.
Fil-belt Taljana ta’ Firenze, l-Għid huwa ċċelebrat permezz ta’ karru imżejjen, miġbud minn barri, li jibqa’ sejjer sal-Bażilika ta’ Santa Marija.
Wara l-quddiesa, l-Arċisqof jaħraq il-murtali li jkunu ppreparati fil-karru. Dan jiġi segwit minn parata b’kostumi medjevali.
F’partijiet mill-Iskandinavja, tfal żgħar jilbsu kostumi, partikolarment xalel u rix, u jitolbu l-ħelu fit-toroq.
Lil hinn mill-Ewropa, ġewwa l-White House, fl-Amerika, issir egg hunt, organizzata mill-mara tal-President. Din it-tradizzjoni, li ssir l-għada tal-Għid, tmur lura numru ta’ snin, għas-seklu dsatax.
Intant, f’Bermuda, itajru t-tajr li huma stess ikunu ħadmu fil-Ġimgħa l-Kbira, sabiex jiġi kkommemorat it-tlugħ ta’ Kristu fis-sema.
Fi Spanja, huma bosta li jorganizzaw festivals tat-tajr tul dawn iż-żminijiet.
Ritratt: TripSavvy