Il-pazjenti tal-kanċer li jkunu għaddejjin minn trattament mediku jgħaddu kemm minn tbatija fiżika kif ukoll minn dik psikoloġika.
Mill-att mediku, il-pazjent iħalli f’idejn it-tobba u l-mediċi, iżda mil-lat l-ieħor wieħed jista’ jirrikorri għal bosta servizzi u għajnuna, fosthom dik li tissejjaħ bħala terapija kumplimentari, li taħdem id f’id mat-terapija medika.
Iltqajna mat-terapista kumplimentari Marica Fleri li ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem ma’ pazjenti tal-kanċer, nies li jkunu ġarrbu t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom u oħrajn li jkunu għaddejjin minn tbatija oħra. Hija toffrilhom terapija ta’ riflessoloġija.
“Riflessoloġija hija terapija tal-mess, jiġifieri tagħmel tip ta’ messaġġi bħal eżempju taħdem fuq is-saqajn iżda tista’ taħdem fuq l-idejn u l-widnejn u l-wiċċ, iżda aħna naħdmu l-aktar fuq is-saqajn u s-saqajn hija mappa tal-ġisem kollu meta tidħol fit-teorija tar-riflessoloġija. Hawnhekk tkun qed tmiss ċertu punti fuq is-saqajn li jirrapreżentaw organi u anke partijiet oħra tal-ġisem. L-għan tagħha hija li ġġib il-persuna f’bilanċ.”
Terapija oħra hija dik li fiha jintuża ż-żejt essenzjali, li jittieħed minn pjanti, siġar u fjuri, meqjusa bħala aromaterapija, fejn bis-sens tax-xamm, it-terapija takkumpanja lill-pazjent għall-kuntatt man-natura.
Fleri qaltilna li hemm domanda kbira għal dan it-tip ta’ servizz, hekk kif lill-pazjent huma ma jarawhx darba biss, iżda jibqgħu jakkumpanjawh tul il-vjaġġ kollu ta’ mard jew tbatija oħra.
Tkellimna wkoll ma’ Clare Busuttil, li ilha għal dawn l-aħħar għaxar snin tieħu l-kura kontra l-kanċer, u ilha seba’ snin tmur għat-terapija kumplimentari.
“It-trattament tal-aromaterapija jgħinek tieħu ħsieb il-benssere tiegħek. L-appuntamenti tiegħek ma jkunux dejjem l-isptar, għax l-isptar joħloq ċertu tensjoni imma meta nkun sejra għal xi servizz bħal dan joffrilek wens. Huwa tajjeb għall-ġisem biex jgħinek tirrilassa u tħossok aħjar u huwa tajjeb anke psikoloġikament. Il-fatt li jiena wara li mmur għat-trattament ta’ aromaterpija u riflessoloġija u nistrieħ u noroqd tajjeb diġa’ jkun qed jgħinni ħafna.”
Marica Fleri saħqet kif meta jkun hemm bżonn ta’ aktar għajnuna professjonali dwar is-saħħa mentali, il-pazjenti jiġu riferuti għas-servizzi meħtieġa.