Birkirkara komplew jikkonfermaw lilhom infushom bħala t-tim tal-mument, meta kkonsolidaw it-tieni post tagħhom, hekk kif għelbu lil Gzira United bl-iskor konvinċenti ta’ 3-1. B’hekk, komplew ikabbru l-problemi ta’ dawn tal-aħħar, b’din tkun ir-raba’ telfa konsekuttiva għall-Maroons.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fis-16-il minuta meta wara li rċieva minn freekick ta’ Steve Pisani, Gabriel Bohrer Mentz għola tajjeb iżda kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit għoli.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-28 minuta, tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Steve Pisani venven xutt minn barra l-kaxxa li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper tal-Istripes, Amara Syalla, li salva tajjeb mgħejjun mill-wieqfa, biex mir-rebound Zachary Scerri, kellu t-tentattiv tiegħu li deher jaħbat ma’ id Kut Zammit, bir-referee Philip Farrugia, iżda jħalli l-logħob għaddej u jordna corner.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Birkirkara li fetħu l-iskor fit-33 minuta meta Alessandro Iorio għadda tajjeb lejn Alessandro Coppola li minn pożizzjoni ideali u prmezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Inkorraġiti minn dan il-goal, l-Istripes bdew jipproduċu logħob sabiħ u fit-42 minuta Simon Zibo kellu xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda għoli.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fit-72 minuta u li permezz tagħha, Birkirkara, rduppjaw l-iskor meta Nezo Cabrera kellu x-xutt fil-baxx u angulat tiegħu minn ġol-kaxxa jintemm fir-rokna tax-xibka.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal, tliet minuti wara permezz ta’ freekick insidjuż tas-sostitut Matteo Fedele li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper David Cassar, li f’din il-partita kien qed jieħu post il-goalkeeper titolari Kroat, Darijan Zarkov.
Gzira U. naqqsu l-marġni tal-iskor fil-ħin miżjud permezz ta’ xutt fil-baxx minn qagħda ideali ta’ Nikolai Muscat.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Alessandro Coppola (Birkirkara FC)
Ritratt: Birkirkara FC