“Hawnhekk hawn fuq 300 qattus. Inżommu l-qtates abbandunati li ma jistgħux jibqgħu jgħixu barra. Ilna sentejn hawn f’dan is-santwarju. Kull qattus għandu l-istorja tiegħu. Il-qtates nafuhom sew, ħafna minnhom bl-ismijiet tagħhom. Il-qtates japprezzaw dak li nagħmlu magħhom. Aħna nħobbuhom u huma jħobbuna.”
Hekk sostnew mal-paġna fuq Facebook The People of Malta, Grace u Doris, żewġ volontiera fis-santwarju tal-qtates CSAF [Carers for Stray and Abandoned Felines}.
Huma qalu kif dawk kollha li jaħdmu fis-santwarju huma kollha volontarji u jmorru darbtejn kuljum; filgħodu u filgħaxija biex jagħtuhom l-ikel, jaħslulhom u jieħdu ħsiebhom.
Saħqu wkoll kif l-ispejjeż huma kbar, anki joħduhom għand il-vet jew ġieli jmur hawnhekk.
“Il-finanzi u l-volontarjat l-ikbar problemi li għandna. Voluntiera, sfortunatament, m’hawnx ħafna. Ġieli jiġu xi ħaddiema tal-Youth Voluntary Scheme biex jgħinuna jew xi żgħażagħ li jkollhom xi proġett,” temmew jgħidu.
Ritratt: The People of Malta