Il-Partit Popolari Ewropew, li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista, ħassar laqgħa tal-grupp li kellha ssir il-ġimgħa d-dieħla fil-Polonja.
Dan wara li l-Pulizija Belġjana flimkien ma’ dik Ġermaniża għamlet rejd fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, minħabba allegazzjonijiet ta’ frodi finanzjarju.
Dan ġie rrappurtat mis-sit internazzjonali Euractiv, fejn intqal li żewġ sorsi differenti mill-EPP ikkonfermaw li d-delegazzjoni Polakka minn dan il-partit tinsab imħassba dwar din l-aħħar sitwazzjoni fil-Partit Popolari Ewropew.
Ir-rejd sar minħabba inkjesta li għaddejja fil-Ġermanja dwar Mario Voigt, li waqt il-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew tal-2019, mexxa l-kampanja online ta’ Manfred Weber.
F’dan l-artiklu ġie rrappurtat li l-Partit Polakk li jifforma parti mill-Partit Popolari Ewropew, llegatament staqsew lit-tmexxija tal-Partit Ewropew biex iħassru l-laqgħa li kellha ssir fil-kapitali Pollakka, Varsarvja.
Il-mexxej tal-partit Pollakk li jifforma parti mill-EPP, l-eks President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, diġa kkonferma li huwa mhux se jieħu sehem f’din il-laqgħa.
Intant, dan l-artiklu jirrapporta wkoll kif hemm aktar dubju dwar il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber.
Dan hekk kif sors mill-EPP li tkellem mal-Euractiv qal li Weber ġab lil Voigt fil-kampanja elettorali fuq għażla personali tiegħu. Dan l-istess sors qal li waqt il-kampanja elettorali, xejn ma seta’ jsir mingħajr l-approvazzjoni tiegħu.
Is-sors temm jgħid ukoll li Weber għandu jerfa’ r-responsabbilita politika dwar dan il-każ.
Weber huwa ħabib mill-qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li poġġih Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew. Waqt il-kampanja elettorali ta’ sitt ilu, Busuttil kien ġab lil Weber f’Malta sabiex jitkellimlu f’mass meeting f’Tas-Sliema.
Weber jaħdem mill-qrib ħafna wkoll mal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola, u David Casa.