Il-Kummissjoni Għoli ta’ Malta fi New Delhi, fl-Indja, ikkollaborat mal-Konsulat Onorarju ta’ Malta fil-belt kapitali tal-Istat ta’ Tamil Nadu, Chennai, sabiex tiċċelebra l-44 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien.
Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Indja, Reuben Gauci kif ukoll il-Konslu ta’ Malta f’Chennai, Thangamuthu Pillai Shantakumar, ipparteċipaw f’dan l-avveniment, li kellu attendenza qawwija.
Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju Għoli Malti rrefera għall-istorja komuni li jaqsmu Malta u l-Indja bħala żewġ pajjiżi li kienu jagħmlu parti mill-Imperu Brittaniku. Huwa qal li, fil-31 ta’ Marzu tal-1979, il-poplu Malti ra l-aħħar bċejjeċ tal-baħar militari Ingliżi jħallu xtutu għall-aħħar darba, u kien permezz ta’ hekk li l-Ħelsien inkiseb kompletament wara sekli sħaħ ta’ flotot ta’ ħakmiet barranin li ddominaw il-portijiet tagħna; flotot li kienu jmorru lura saħansitra għaż-żminijiet tal-Feniċi, tal-Kartaġiniżi u tar-Rumani.
Huwa kkwota lill-eks Prim Ministru Dom Mintoff, li kien sejjaħ il-31 ta’ Marzu bħala “appuntament mad-destin”. Irrimarka li llum, Malta għandha ekonomija b’saħħitha li ma tiddependix fuq l-attivitajiet militari.
Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur tal-Istat Indjan ta’ Tamil Nadu, Thiru R.N. Ravi, li kien il-mistieden tal-unur, għamel kummenti ffukati fuq il-ħelsien mill-gwerra.