Mosta St Mary’s A kisbu l-ewwel unur tal-istaġun fil-Blackball wara li rebħu r-Regional Easter Trophy f’finali missielta kontra Birkirkara Boċċi bir-riżultat finali jkun dak ta’ 13-11.
Kienet logħba bilanċjata, inċerta sal-aħħar u li offriet logħob ta’ livell għoli li paxxa lil dawk li kienu qed jaraw din il-finali li ntlagħbet fi Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara.
Il-Karkariżi kienu qed jirbħu għal darba darbtejn 7-3 u 10-8 għalkemm il-Mostin baqgħu dejjem konċentrati sabiex lejn l-aħħar ġabu l-iskor indaqs għal 10-10.
B’dan ir-riżultat, kellha tinfetaħ sessjoni żejda b’Mosta St Mary li wrew determinazzjoni kbira li wasslithom sabiex jiksbu l-unur finali.
Fi tmiem il-konfront, Karl Caruana, membru fil-kumitat fi ħdan l-Federazzjoni Maltija tal-Blackball ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Mosta St Mary’s A Shaun Attard akkumpanjat mill-uffiċjal George Cutajar u l-membri kollha tat-tim.
Din kienet it-tielet finali li ntlagħbet f’erbat ijiem wara li aktar qabel, Ħamrun 147 B u Ħamrun 147 D rebħu n-National u l-Community Easter Trophy rispettivament.