Fl-aħħar għaxar snin, in-nefqa soċjali tal-Gvern żdiedet b’ ħamsa u ħamsin fil-mija.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musù.
F’konferenza tal-aħbarijiet saret analiżi tal-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li kkonfermat li n-nefqa soċjali fl-2022 żdiedet b’ wieħed u tmenin miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel.
Din iż-żieda kienet l-aktar waħda għolja qatt reġistrata minn sena għall-oħra.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li matul l-2022 in-nefqa globali fuq il-benefiċċji soċjali laħqet biljun u żewġ miljun ewro. Din in-nefqa kienet maqsuma f’madwar disa’ mija u sitta u sittin miljun ewro f’pensjonijet u benefiċċji kontributorji u mitejn u tnejn u erbgħin miljun f’benefiċċji mhux kontibutorji.
Dan l-ammont huwa erba’ mija u sitta u għoxrin miljun ewro ogħla minn dak li kien intefaq 10 snin qabel; żieda ta’ erbgħa u ħamsin punt ħamsa fil-mija.
Ġie spjegat li fattur ewlieni għat-tkabbir is-sena l-oħra kien iż-żidiet li ngħataw u t-titjib li sar bit-twettiq ta’ pakkett b’saħħtu ta’ miżuri fil-Budget tal-2022.
Dawn kienu jinkludu żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, l-introduzzjoni ta’ aġġustament gradwali fil-pensjoni tar-romol, u t-tnedija ta’ tibdil fil-mekkaniżmu tal-kumpens tal-għoli tal-ħajja biex eventalwalment dan jibda jitħallas bl-istess rata sħiħa lill-pensjonanti kollha.
Komplew jiżdiedu wkoll il-pensjonijiet, anke permezz ta’ miżura ġdida li biha ġew rikonoxxuti kontribuzzjonijiet imħallsin qabel l-età ta’ 19-il sena. B’hekk, madwar 2,000 persuna, ħafna minnhom nisa, bdew igawdu minn pensjoni.
B’kollox, in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol flimkien mal-bonus kontributorju telgħet bi kważi ħamsa u ħamsin miljun ewro.
Il-tieni miżura li ħalliet impatt qawwi fuq in-nefqa kienet dik li wessgħet il-faxex tad-dħul fl-għoti tal-In-Work Benefit sabiex aktar ġenituri li jaħdmu u bi tfal taħt it-23 sena jkunu jistgħu jgawdu huma wkoll minn dan il-benefiċċju.
Fil-fatt, bis-saħħa ta’dan it-tibdil, madwar 9,000 familja b’14,000 tifel u tifla saru eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
Dawn il-familji tħallsu mingħajr il-ħtieġa li jitfgħu applikazzjoni għax intgħażlu skont id-dħul tagħhom kif reġistrat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.
Meta wieħed iqabbel in-nefqa fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-2022 ma’ dak li kien sar 10 snin qabel, isib qabża kbira ta’ ’l fuq minn erba’ mija u sitta u għoxrin miljun ewro.
In-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji kontributorji żdiedet bi kważi tliet mija u tlieta u sittin miljun ewro jew 61.4 fil-mija, waqt li dik fuq il-benefiċċji nonkontributorji żdiedet bi kważi ħamsa u sittin miljun ewro, jew 36.5 fil-mija.