Raġel tressaq il-Qorti wara li kien involut f’argument ma’ seħbitu filwaqt li spiċċa wkoll jiġġieled ma’ uffiċjali tal-Pulizija.
Huwa deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud il-Ħamis filgħodu.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati li b’mod vjolenti rreżista l-arrest, li kkawża ġrieħi ħfief lil uffiċjal tal-pulizija u li rrifjuta jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija filwaqt li kiser il-paċi pubblika.
Huwa kien ukoll akkużat li darab b’mod ħafif lis-sieħba tiegħu, li kkawżala ħsarat fil-bieb tar-residenza u anke l-mobile tagħha, fost oħrajn.
Permezz tad-difiża, ir-raġel talab għall-ħelsien mil-arrest.
Madankollu wara li sema s-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Joe Mifsud osserva li r-raġel ngħata numru ta’ opportunitajiet sabiex jirriforma lilu nnifsu mingħajr suċċess. Huwa kkundanna wkoll il-vjolenza fuq il-pulizija u anke l-allegat każ ta’ vjolenza domestika.
B’hekk ir-raġel baqa’ jinżamm arrestat.