Ir-rejd fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, mill-Pulizija Belġjana flimkien ma’ dik Ġermaniża, dwar frodi finanzjarju, ħalla diversi mistoqsijiet dwar il-President tal-Partit, il-Ġermaniż Manfred Weber.
Dan hekk kif ir-rejd, li seħħ it-Tlieta minħabba inkjesta li għaddejja fil-Ġermanja, hija dwar il-Ġermaniż Mario Voigt, li waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 mexxa l-kampanja online ta’ Manfred Weber.
F’dik il-kampanja elettorali, Manfred Weber kien qed jikkampanja biex ikun il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Rapporti fil-midja internazzjonali qegħdin jirrapportaw kif Voigt, li bħalissa jagħmel parti mill-partit Konservattiv fil-Ġermanja, allegatament qabbad lill-kumpanija tat-teknoloġija li kellha tagħmel l-app tal-partit biex tgħin fil-kampanja ta’ Weber.
Ġie rrappurtat ukoll li l-Partit Popolari Ewropew, li miegħu hemm affiljat il-Partit Nazzjonalista, neħħa kull referenza għal din il-kumpanija li bħalissa tinsab fiċ-ċentru ta’ dan l-iskandlu.
Dan l-iskandlu qed iqajjem diversi dubji u mistoqsijiet dwar il-President ta’ dan il-Partit Ewropew, Manfred Weber.
Dan hekk kif l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tinsab sena ‘l bogħod, bil-ġurnal awtorevoli Politico jiddeskrivi din is-sitwazzjoni għall-Partit Popolari Ewropew bħala waħda ta’ “wġigħ ta’ ras”.
Weber huwa ħabib mill-qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, tant li poġġih Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew. Waqt il-kampanja elettorali ta’ sitt ilu, Busuttil kien ġab lil Weber f’Malta sabiex jitkellimlu f’mass meeting f’Tas-Sliema.
Weber jaħdem mill-qrib ħafna wkoll mal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola, u David Casa.