Fi Franza, l-unjins tal-ħaddiema qed isejħu aktar strajkijiet u protesti kontra d-deċiżjoni tal-President Emmanuel Macron li jgħolli l-età minima tal-irtirar minn 62 għal 64.
L-unjins qed jikkapitalizzaw fuq l-appoġġ wiesa’ li qed jagħtu n-nies għal dawn il-protesti, kultant b’elementi vjolenti, li wasslu biex Pariġi tinsab mgħarrqa fl-iskart.
L-unjins huma konvinti li, jekk iżommu l-momentum għaddej, se jirnexxilhom iwasslu biex il-Gvern imur lura mid-deċiżjoni tiegħu. Huma determinati li jżommu l-pressjoni għaddejja waqt li jistennew deċiżjoni li l-Qorti Kostituzzjonali mistennija tagħti fl-14 ta’ April dwar il-validità ta’ dan it-tibdil propost.
L-istħarriġiet tal-opinjoni pubblika qed juru li l-maġġoranza tal-Franċiżi jopponu t-tibdil propost. Il-kunflitt kbir li nħoloq fil-pajjiż qed jhedded li, jekk Macron jibqa’ jwebbes rasu, se jispiċċa jgħarraq għal kollox ir-relazzjonijiet tiegħu mal-unjins, li se jkollu bżonnhom biex iwettaq bidliet oħrajn fil-futur.
Intant, stħarriġ ikkummissjonat mill-istazzjon BFM TV indika li, kieku kellha ssir elezzjoni Presidenzjali llum, il-mexxejja tal-partit tal-lemin estrem, Marine Le Pen, tikseb 55 fil-mija tal-voti filwaqt li l-President attwali Emmanuel Macron jikseb 45 fil-mija.
F’April li għadda, Macron għeleb lil Le Pen b’58.5 fil-mija tal-appoġġ, konta t-42.5 fil-mija li kisbet hi, u b’hekk sar l-ewwel President Franċiż f’żewġ deċennji li kiseb it-tieni mandat konsekuttiv.
Le Pen qed tagħmilha ċara li fl-2027 se terġa’ toħroġ għall-elezzjoni Presidenzjali wara tliet darbiet infila li fihom ma telgħetx.