Ġie inawgurat impjant ġdid għat-tqattigħ, l-ispulpjar u l-ipproċessar tal-majjal fil-Biċċerija Pubblika, biex b’hekk se tiżdied l-effiċjenza u l-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin.
Dan l-investiment huwa proġett ieħor li qed jikkontribwixxi għat-twettieq tal-miżura elettorali favur aktar investiment fil-Biċċerija.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’, indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonnet, intqal kif f’dan il-proġett, il-Biċċerija investiet madwar kwart ta’ miljun ewro, filwaqt li l-koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjali investiet madwar €360,000 f’tagħmir u ċelel ta’ refriġerazzjoni taħt fondi parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
L-impjant il-ġdid ta’ madwar 400 metru kwadru se jippermetti lill-Koperattiva biex iżżid il-kompetittività tal-majjal lokali hekk kif se tkun tista’ tagħti lill-proċessur jew lil bejjiegħ tal-laħam prodott imqatta’ lest skont il-ħtiġijiet tiegħu, u hekk tgħinhom inaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-ġarr tal-karkassi, mal-ħażna u anki mal-ipproċessar inizjali tagħhom waqt li jnaqqsu ir-rimi.
L-investiment jinkludi makkinarju ġdid li fost l-oħrajn se jippermetti it-tqattigħ u l-ippakkjar tal-laħam tal-majjal, kif ukoll, it-trattament tiegħu biex ma jixxottax waqt it-tisjir. L-impjant ġie ddisinjat b’mod li jissodisfa l-kriterji ta’ iġene u s-separazzjoni neċessarja bejn prodott u ieħor.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam, Anton Refalo spjega kif is-settur tal-majjal, li jgħodd madwar 80 fil-mija tal-laħam kollu mill-Biċċerija, huwa kruċjali għas-sigurtà tal-ikel f’Malta, u dan l-impjant se jgħin lil dan is-settur ikun iktar sostenibbli. Semma wkoll kif is-sena li għaddiet, il-Biċċerija ipproduċiet madwar 4,200 tunnellata ta’ laħam tal-majjal.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Bonnet qal kif dan il-proġett jimxi id f’id mal-istrateġija Ewropea sabiex il-biċċerija ssir iktar reżiljenti u fl-istess ħin tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-ikel.
Ta’ min ifakkar kif fl-aħħar ġimgħat il-Gvern ħabbar l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta 2023-2027 b’investiment ta’ €166 miljun li se jkompli jolqot b’mod pożittiv lir-raħħala u bdiewa Maltin u Għawdxin.