Matul l-aħħar jiem, il-MPE Josianne Cutajar kompliet b’aktar ħidma fil-qasam tat-trasport, b’messaġġ konsistenti dwar l-importanza tal-konnettivita’ sostennibbli. Intant, din il-ġimgħa Josianne Cutajar irrappreżentant lill-Parlament Ewropew f’delegazzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu li żaret l-ibliet ta’ Genoa u Firenze fl-Italja. Waqt id-diversi laqgħat u żjarat li kellhom, inkluż fil-port ta’ Genoa, Cutajar tkellmet dwar l-importanza tal-ekonomija l-blu u l-qasam marittimu, oqsma li huma importanti wkoll għal pajjiżna.
Il-MPE kompliet tisħaq li l-imsieħba kollha – dawk pubbliċi, privati, ir-riċerkaturi – għandhom jikkollaboraw flimkien biex jinvestu f’aktar riċerka u innovazzjoni, biex b’hekk naċċertaw li nħejju s-suq u l-ħaddiema tagħna għall-miri u obbligi Ewropej li ser jiġu fis-seħħ fil-qrib. Dan bħala parti mill-liġijiet ambjentali l-ġodda, inkluż fejn tidħol il-qalba għal fjuwils aktar nodfa u trasport aktar nadif.
Josianne Cutajar enfasizzat ukoll l-importanza tal-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema, ħiliet li huma essenzjali biex il-ħaddiema tagħna ma jitħallewx jaqgħu lura, in-negozji Ewropej jibqgħu kompettitivi, u l-qalbiet ambjentali u diġitali jirnexxu.
Waqt iż-żjara fl-Italja, Dr Cutajar tkellmet ukoll dwar l-importanza li mezzi ta’ trasport differenti jipprovdu konnettivita’ sostennibli u affordabbli għaċ-ċittadini, punt li semmiet ukoll f’dibattitu li pparteċipat fih propju l-ġimgħa li għaddiet fi Brussell. Fl-istess konferenza mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropea, Airlines for Europe, Cutajar qalet ukoll li l-avjazzjoni u l-linji tal-ajru għandhom irwol essenzjali biex jgħaqqdu flimkien reġjuni differenti fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u l-kummerċ, b’kontribuzzjoni lejn diversi industriji oħra nkluż it-turiżmu.
“Rotot bl-ajru konvenjenti, bħal ma rajna mħabbra għal pajjiżna għax-xhur li ġejjin, huma importanti biex aktar turisti jżuruna u jħallu aktar flus fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin, imma wkoll biex jipprovdu rabta kruċjali għall-gżejjer tagħna mal-kontinent, rabta li hija essenzjali għall-konnettivita’ tal-pajjiż u għall-moviment ħieles taċ-ċittadini tagħna”, temmet Cutajar.