Matul din il-ġimgħa, se jingħataw pagamenti b’rati mtejba tal-in-work benefit u tal-carers grant.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarjiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musù, li tefgħu aktar dawl fuq dan.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li, kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali, minn din is-sena dan il-pagament tal-carers’ grant se jogħla għal nofs il-paga minima nazzjonali netta, jiġifieri €4,510.
Is-Sur Musu spjega li, “Hemm żieda qawwija fil-Carers’ Grant, fejn minn €500 fis-sena se tkun qed titla’ għal €4,510, jiġifieri nofs il-paga minima netta. Dan il-pagament se jibda jinqasam f’erba pagamenti fis-sena, bl-ewwel wieħed ikun is-Sibt li ġej.”
Dan il-benefiċċju ġie introdott għall-ewwel darba fl-2021, fejn l-għotja dakinhar kienet ta’ €300 fis-sena, filwaqt li s-sena l-oħra telgħet għal €500 fis-sena.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù spjega li l-persuni eliġibbli m’għandhomx għalfejn japplikaw u li l-proċess tal-pagamenti huwa kollu awtomatiku.
L-ispiża totali fuq dan il-grant se titla’ minn €230,000 għal €2 miljun fis-sena.
Miżura oħra ġdida li se tkun qed tiġi implimentata tikkonċerna persuni waħedhom li jkunu fuq l-assistenza soċjali u li jibdew jieħdu l-allowance għall-carers.
B’din il-miżura, dawn il-persuni mhux se jibqa’ jkollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom minkejja li ma jkunux meqjusa bħala l-kap tal-familja.
Iddaħħal ukoll tibdil, kif imħabbar fil-Baġit 2023, li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel, bla tnaqqis.
Din il-miżura tfisser li dawn il-persuni se jibqgħu bi €13.21 fil-ġimgħa aktar fi bwiethom li issa mhux se jibqgħu jitnaqqsulhom.
Intant, is-Sibt li gej, se jsir ukoll pagament tal-in-work benefit li jkopri l-ewwel tliet xhur tas-sena.
B’kollox hemm 22,500 familja li se jirċievu €3.2 miljun bejniethom. Il-proċess issa sar wieħed awtomatiku u m’għadx hemm bżonn li ssir applikazzjoni.
L-in-work benefit jitħallas lill-ġenituri ta’ tfal dipendenti taħt it-23 sena. Il-ġenituri jridu jkunu jaħdmu u d-dħul mill-impjieg tagħhom wara li titnaqqas il-bolla ma jkunx jaqbeż il-€50,000 fis-sena għal koppji li jaħdmu t-tnejn, il-€35,000 għal koppji li fihom wieħed mill-ġenituri jaħdem jew single parent li jaħdem.
Hawn is-Segretarju Permanenti qal li, “Tnejn u għoxrin elf u ħames mitt familja nhar is-Sibt se jkunu qed jirċievu tlieta punt tnejn miljun ewro f’benefiċċji li allura, sal-aħħar tas-sena, nistmaw li se jkunu qed jintefqu madwar tlettax-il miljun ewro oħra fuq l-in-work benefit.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega li permezz ta’ dawn il-pagamenti, il-Gvern se jkun qed jimplimenta żewġ miżuri oħra tal-Baġit għall-2023 biex b’hekk ikunu twettqu 20 mit-22 miżura soċjali tiegħu, li jfisser rata ta’ twettiq ta’ 91 fil-mija.