Bħalissa, taħt iz-Zuntier tal-Knisja ta’ Fatima, f’Tal-Pietà, għaddejja wirja kollettiva bit-tema ‘Agħmlu Dan b’Tifkira Tiegħi’.
Din l-esebizzjoni, imtella’ mill-Kummissjoni Ġimgħa l-Kbira, għaqqdet 7 wirjiet differenti taħt saqaf wieħed.
Dawn jinkludu statwi ta’ daqs uman bi stil Barokk, mudell ta’ knisja, mudell ta’ sepulkru f’minjatura, kif ukoll wirja ta’ vari maħdumin f’pajjiżna stess.
Tkellimna mal-Patri Reno Muscat, li kien strumentali sabiex ingħaqdu u ittellgħu dawn il-wirjiet. Huwa spjega kif l-istil Barokk f’din il-wirja huwa dak li jagħmilha unika.
“Il-forte tagħna hija li qegħdin nimxu fuq il-linja tal-barokk – stil barokk, mejda tal-appostli, l-aħħar ċena – mhux stil tradizzjonali. Hawn ċertu lussu, kif jitlob il-barokk, mhux l-ambjent awtentiku li fih kien Kristu.”
Twanny Theuma, wieħed mill-esebituri, spjega kif din il-wirja nibtet minn sempliċiment xewqa u, minħabba l-fatt li għandu s-sengħa ta’ mastrudaxxa, huwa seta’ jimmaterjalizzaha. Minkejja s-sigħat twal ta’ ħidma li rrikjediet din il-wirja, Twanny qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li jaraha titgawda.
“Ġietni l-idea daqs seba’ snin ilu. Ġie n-neputi, ġabli s-sett tal-vari. Imbagħad minn hemm bdejt inkompli x-xogħol tal-bradelli. Ġietni l-idea li nagħmel l-arkati, u dejjem inżid. Minn hemmhekk bdejt biex nagħmel dak is-sepulkru wkoll, u dejjem naħdem magħhom, mal-għaqda, li għandna . hawnhekk, tal-Knisja, biex tintrama din il-wirja.”
Dawk li jixtiequ jżuru din il-wirja jistgħu jagħmlu dan kuljum, bejn il-ħamsa ta’ waranofsinhar u d-disa’ ta’ filgħaxija, sa Jum il-Għid.