L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta qed torganizza Wirja Nazzjonali tal-Arti li se tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ April li ġej – wirja li toffri lil kull min iżurha mera ta’ għadd ta’ esperjenzi li diversi artisti għaddew minnhom tul ħajjithom.
Din il-wirja qed issir fil-Kavallier ta’ San Ġwann fi Triq l-Ordinanza fil-Belt Valletta, fis-Sede tal-Ambaxxata tal-Ordni f’Malta, u għandha l-għan li tgħin lil kull min se jżurha sabiex jgħix l-istorja ta’ Malta, il-kultura, il-ħajja tal-Maltin u l-aspirazzjonijiet tagħhom mal-medda taż-żmien.
Ix-xogħlijiet għall-wiri jinkludu pitturi maħduma biż-żejt, bl-akkwarell, bil-pastell, u oħrajn. Wieħed isib ukoll xogħlijiet ta’ skultura fiċ-ċeramika, fil-ġebla, tal-bronż u ta’ metall ieħor, u anki ritratti li juru s-sbuħija ta’ pajjiżna, fost oħrajn.
ONE News tkellem maċ-Chairman tal-Kumitat Organizzativ tal-Wirja Nazzjonali tal-Arti, Dr Pascal Demajo. Huwa faħħar lill-165 esebitur li qed jieħdu sehem f’din il-wirja filwaqt li qasam magħna l-ħsieb wara wirja tal-kalibru tagħha, li hija l-ewwel waħda tax-xejra tagħha f’pajjiżna.
“Il-milja tal-arti li għandna Malta hija rappreżentata hawnhekk. Ir-raġuni hi li ridna nuru kemm hu kapaċi l-artist Malti. Ridna wkoll ngħollu l-livell tax-xogħlijiet li jsiru Malta. Naħseb li jekk ngħollu l-livelli jkun hawn aktar artisti kapaċi li jesebixxu xogħolhom. It-tieni ħaġa hija li aħna stidinna l-iskejjel, biex iż-żgħar tagħna japprezzaw l-arti. Jiġu skejjel hawn, u jkun hawn artist biex jispjegalhom l-arti tiegħu.”
Id-dħul li se jsir minn din il-wirja se jmur għal għanijiet nobbli. Dwar dan, One News tkellem mal-Markesino Daniel De Petri Testaferrata li huwa l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta.
“Ħafna nies jaħsbu li l-Ordni ta’ Malta spiċċat mal-Assedju, jew forsi xi snin wara. Fil-fatt, l-Ordni ta’ Malta tagħti sokkors lil kull min għandu bżonn – jekk humiex il-foqra, jekk humiex nies b’diżabilità, nies inkarċerati, per eżempju. Aħna nippruvaw ngħinu kemm jista’ jkun nies. L-għan proprju ta’ din il-wirja huwa biex niġbru fondi għall-atti tal-karità tal-Ordni ta’ Malta.”