Residenti fid-Dar tal-Providenza qegħdin jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ riflessjoni marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-passjoni ta’ Ġesù Kristu.
Fil-fatt, f’sala fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, uħud mir-residenti qegħdin jinterpretaw episodji tal-passjoni. Din l-interpretazzjoni qed issir f’sala imżejna b’artifatti eżebiti f’wirjiet, fosthom mejda tal-appostli, il-ġrajja tal-Golgota permezz ta’ statwi żgħar, u presepju magħmul b’materjal riċiklat li jirrakkonta l-passjoni ta’ Ġesù.
Żorna d-Dar tal-Providenza u tkellimna ma’ David Muscat, li huwa ‘ability promoter’ f’din id-Dar. Spjega li dan kollu jsir biex ir-residenti u l-ħaddiema jidħlu fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa. Barra minn hekk, erba’ residenti qed jipparteċipaw b’mod attiv billi jinterpretaw episodji mill-Bibbja. Chris Gregory, per eżempju, interpreta l-parti ta’ Kristu għall-ewwel darba.
Dan kollu jwassal għal riflessjoni, kif spjega David Muscat: “Minn xiex għadda Ġesù, kemm hawn nies qegħdin ibatu madwarna u anki s-sofferenzi illi kull wieħed u waħda minnha qegħdin inħossu.”
Kompla jispjega l-iskop aħħari ta’ din l-inizjattiva: “Kemm jista’ jkun inħeġġu r-residenti tagħna jipparteċipaw f’dawn l-affarijiet għax, wara kollox, huma bħalna u nixtiequ li ninvolvuhom aktar f’dawk l-affarijiet li jieħdu gost.”
Id-dħul għal din il-wirja fid-Dar tal-Providenza huwa b’xejn. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa Ħadd il-Għid kuljum bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija.