Raġel ta’ 52 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti tressaq il-Qorti akkużat li ffastidja u mess b’mod indiċenti lil bintu ta’ 12-il sena.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifusd, l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Joseph Busuttil spjega li t-tifla, waqt li kienet għadha fi stadji bikrin tal-puberta, kkuntattjat lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika sabiex tirrapporta lil missiera bl-affarijiet li kien jagħmlilha.
Busuttil spjega wkoll li omm it-tifla kienet tgħid lill-akkużat sabiex jieqaf imiss lil bintu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li meta staqsew lill-imputat dwar dawn l-akkużi, huwa wieġeb li kien biss qed jiċċajta u li ma ried ifisser xejn bl-azzjonijiet tiegħu. Intqal ukoll li t-tifla tkellmet ma’ counsellor tal-iskola dwar din is-sitwazzjoni.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih madankollu ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.