Athletics Malta tħabbar li l-President tagħha, Andy Grech infurmaha li minħabba raġunijiet personali u professjonali, kien se jħalli l-pożizzjoni tiegħu b’effett immedjat.
Andy Grech kien ilu fit-tmexxija ta’ Athletics Malta għal dawn l-aħħar tliet snin, li fihom implimenta riformi sostanzjali li għollew il-profil tal-isport f’pajjiżna. Dawn ir-riformi jinkludu rebranding sħiħ tal-assoċjazzjoni, investiment bla preċedent fl-atleti li wasslu għal riżultati aħjar anke fuq livell internazzjonali, pjan dettaljat ta’ ħames snin li jiffoka fuq struttura amministrattiva aktar b’saħħitha, rijorganizzazzjoni ta’ avvenimenti atletiċi ta’ barra mit-trakka u investiment sostanzjali għall-immodernizzar u tagħmir ġdid fl-istadium fil-Marsa.
Filwaqt li s-Sur Grech kien fit-tmexxija tal-Assoċjazzjoni tul dan il-proċess, ir-riżultati nkisbu permezz ta’ involviment akbar tal-Kunsill ta’ Athletics Malta, fejn il-maġġoranza tal-membri preżenti pparteċipaw f’dan il-vjaġġ tul it-tmexxija ta’ Grech u wħud saħanistra minn qabel. Dan il-fatt, u anke d-deċiżjoni li aspetti importanti ta’ tmexxija, fosthom dawk ta’ natura teknika, kienu devoluti lil individwi differenti jiżgura li Athletics Malta se tkun tista’ tkompli miexja ‘l quddiem mingħajr diffikultà.
Athletics Malta tinsab iffukata fuq it-tħejjija tal-atleti Maltin għal-logħob tal-GSSE 2023, u fl-aħħar snin, flimkien mal-istakeholders ewlenin fil-qasam sportiv, investit bis-saħħa f’setup tal-aqwa livell għat-tim nazzjonali. L-atleti kienu megħjuna biex b’mod regolari jipparteċipaw f’taħriġ u kompetizzjonijiet barra l-pajjiż u t-tim tekniku se jibqa’ għaddej bil-preparattivi finali għal dan l-avveniment importanti.
Konxju mill-importanza tal-oġġettiv tal-GSSE, is-Sur Andy Grech aċċetta t-talba tal-Kunsill biex huwa jkompli jgħin lill-Assoċjazzjoni fuq bażi volontarja fuq kwistjonijiet esklussivament marbuta mal-preparamenti għal dan l-avveniment sportiv ewlieni.
Il-Kunsill issa jiltaqa’ fi żmien stipulat mill-istatut biex jiddiskuti r-riżenja tal-President u jikkomunika d-data ta’ Laqgħa Ġenerali Straordinarja (EGM) għall-elezzjoni ta’ President ġdid. Aktar informazzjoni tkun pubblikata mill-assoċjazzjoni fiż-żmien opportun.