Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja, fiż-żona magħrufa ta’ Ċejlu fil-Marsa jinsab fi stadju avvanzat.
Dan hekk kif il-proġett ta’ restawr mistenni li jitlesta sa nofs Lulju li ġej wara li sar xogħol estensiv sabiex tiġi ppreservata din il-knisja.
Il-Perit Aundrey Anne Bonnici spjegat fiex kien jikkonsisti dan ir-restawr li beda ferm qabel ix-xogħol manwali, fosthom billi saret riċerka estensiva fuq il-ħsara li kellha l-faċċata ta’ din il-knisja.
B’mod partikolari din kellha partijiet miżbugħa bil-qatran li kienu ta’ sfida sabiex jitnaddfu kif sippost.
“Komplejna anki biex neħħejna l-kisi li sar matul iż-żmien bis-siment u anki kien hemm xi biċċiet li ġew miksija bl-irħam li jkompli jgħaġġel id-deterjorazzjoni fuq in-naħa ta’ ġewwa. Wara hekk ħa nkomplu billi nneħħu l-ġebel li jkun iddeterjorat ħafna speċjalment fuq in-naħa ta’ fuq tal-faċċata u anki fuq il-kampnari u anki ħa nerġgħu nbiddlu s-salib għal qies oriġinali li kien hawn fil-kappella.”
Dan ir-restawr sar kollu mid-Direttorat tar-Restawr b’hekk għamilha possibbli biex issir b’inqas spejjeż,
Grazzi għal dan, l-iskema li permezz tagħha sar dan ix-xogħol seta’ jilħaq aktar proġetti.
Is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, spjega l-importanza ta’ din il-knisja li tmur lura sas-seklu dsatax fi żmien l-Ingliżi hekk kif hi eqdem mill-knisja parrokkjali eżistenti tal-Marsa.
“Bis-saħħa ta’ din l-iskema li ħadna mingħand il-Ministeru se nippreservaw il-wirt tagħna. L-ewwelnett din il-knisja, hija knisja antika u tmur lura għall-aħħar tas-seklu dsatax u nbniet fl-1870. Għan-nies tal-Marsa din kienet importanti ħafna għaliex ġiet qabel il-parroċċa u bosta nies kienu jqisuha l-Knisja tagħhom, iġifieri hawnhekk kienu jsiru l-praċetti u allura s-sinifikat li din hija parti mill-identità tagħna.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici innota kif din il-knisja kellha tingħata l-attenzjoni anki minħabba li tinsab f’żona industrijalizzata.
“U għalhekk huwa importanti li l-Kunsill Lokali tal-Marsa issuġġerilna biex nirrestawraw propju din il-knisja li l-Marsin isibuha bħala l-knisja ta’ Ċejlu, liema restawr ħa jkun lest sa din is-sena stess. Dan huwa x-xogħol li qed nagħmlu biex inkomplu nmexxu ‘l quddiem il-ħarsien tal-wirt storiku mhux fil-kapitali biss, mhux fil-postijiet l-aktar magħrufa imma anki fit-toroq, fl-irħula u fl-ibliet li għandna f’pajjiżna.”