F’Awla numru 10 kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-każ ta’ qtil ta’ Pelin Kaya fejn Jeremie Camilleri huwa akkużat bil-qtil tagħha. Waqt is-seduta xehdu rappreżentanti mill-kumpaniji li ġarrbu l-ħsarat.
Il-kumpanija tal-KFC xehdet kif fil-fehma tagħha l-akkużat kkawża madwar €37,000 fi ħsarat meta baqa’ dieħel fil-ġenb tal-bini filwaqt li skont rappreżentanta tal-pompa tal-petrol biswit l-istabbiliment, l-akkużat kkawża madwar €14,000 fi ħsarat fuq ċint u tliet stazzjonijiet tal-pompa li kienu moderni.
Xehed ukoll is-Surġent Josef Geralta li huwa stazzjonat fi ħdan l-Iskwadra tal-Omiċidji. Huwa qal li mar fid-dar tal-akkużat f’Ħal Lija fejn saret tfittxija u ġie elevat apparat elettroniku fost affarjiet oħra. Hu qal ukoll li l-akkużat dejjem ikkopera mal-Pulizija meta ġiet imfittxija daru.
Rappreżentant mill-LESA qal lill-Qorti li fit-22 ta’ Jannar, xi tlett ijiem wara li Camilleri ħasad ħajjet Kaya, omm l-imputat kienet ħallset multa ta’ sewqan b’veloċità li saret mill-karozza BMW X5 – l-istess waħda li qatlet lil Kaya.
Camilleri qed jiġi akkużat fost l-oħrajn bl-omiċidju volontarju ta’ Pelin Kaya f’Jannar, l-istess lejl li kienet iċċelebrat għeluq it-30 sena tagħha. Kaya, Torka li kienet ilha taħdem Malta għal madwar sena, kienet miexja lejn id-dar tagħha meta Camilleri saq il-karozza tiegħu għal fuqha, qabel ħabat mal-ħanut tal-KFC tal-Gżira.
Camilleri qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġuba kontrih.