Ġie ffirmat ftehim bejn ĠEMMA u d-Direttorat tal-Lifelong Learning dwar kors edukattiv dwar għarfien finanzjarju għall-adulti. Dan il-ftehim ġie ffirmat f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’.
Mandy Mifsud, uffiċjal mid-Direttorat tat-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja, spjegat li dan il-kors huwa wieħed minn dawk bażiċi li joffri dan id-direttorat. Intqal li dan il-kors twaqqaf f’Ottubru li għadda u s’issa diġà kien hemm 125 student. Hija spjegat x’jinkludi dan il-ftehim:
“Jikkonsisti billi aħna nitgħallmu aktar fuq il-valur ta’ flus, kif pereżempju persuna għandna ġġemma, twarrab biex tixtri forsi l-ewwel proprjeta jew għal xi emerġenza, is-self, biex tippjana l-futur, bħal pereżempju l-irtirar biex inti forsi anki żżid mal-pensjoni normali, ikollok xi ħaġa żejda.”
Bħalissa hemm madwar 400 kors tat-tagħlim matul il-ħajja, fejn b’kollox hemm 8,000 adult u aktar minn 150 edukatur. Helena Holland minn ĠEMMA sostniet dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim.
“Dan il-ftehim għandu importanza kbira ħafna għalina għax il-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, mal-Lifelong Learning f’dan il-każ, hija pass essenzjali biex inkomplu nifirxu dak li huwa għarfien finanzjarju.”
Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima. Huma saħqu fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn żewġ Ministeri, li se jgħin aktar adulti jkollhom ħiliet bażiċi fosthom dawk li jġemmgħu l-flus.