Birkirkara umiljaw lil Hibernians meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 5-0, b’din tkun is-sitt telfa għall-Pawlisti fit-tieni round u t-tmien waħda matul dan l-istagun. Ta’ nota huwa l-fatt li l-Istripes kienu diġá aċċertati mill-punti massismi sa tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif diġá kienu erba’ goals minn fuq. Barra minn hekk, din kienet ukoll l-akbar rebħa fl-istorja għal Birkirkara fuq Hibernians fil-Kampjonat Premier fl-istorja.
L-Istripes għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss ħames minuti fetħu l-iskor meta l-aqwa skorer tagħhom għal dan l-istagun b’total ta’ 11-il goal, Enzo Daniel Cabrera, approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Hibernains, għadda tajjeb lejn ANDREI CIOLACU, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-21 minuta minn azzjoni ta’ corner, Denis Custodio Ribeiro, xeħet cross li sab lil ALESSANDRO COPPOLA li żmarkat għal kollox u minn pożizzjoni pjuttost angulata, irnexxielu jispara l-ballun fix-xibka.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Birkirkara u tmien minuti wara, għamluhom tlieta meta azzjoni persistenti ta’ Yannick Yankam ġiet imwaqqfa minn difensur avvesrarju, iżda pront daħal PAUL MBONG, li minn pożizzjoni ideali u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.
Iktar ma beda jgħaddi ħin, iktar beda jirriżulta team wieħed fil-ground u fit-38 minuta, Birkirkara, skorjaw ir-raba’ goal meta Yannick Yankam xeħet cross li sab lil PAUL MBONG li żmarkat u b’sidru tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fi spazju ta’ disa’ minuti.
Hibernians wieġbu għall-ewwel darba fil-41 minuta meta xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Kurt Shaw, li proprju lejlet din il-partita, kien qed jiċċelebra għeluq sninu, għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
U donnu Birkirkara ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, kienu għoddhom għamluhom ħamsa meta Alessandro Iorio minn ġol-kaxxa xeħet cross għan-nofs, b’Kurt Shaw, isalva l-ballun minn fuq il-linja fatali biex salva goal ċert.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Pawlisti ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u fl-54 minuta, Gabriel Mensah, kellu x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jaħbat ma’ sieq il-wieqfa, bil-goalkeeper ta’ Birkirkara, Amara Sylla, megħlub għal kollox.
U proprju mill-azzjoni li segwiet huma reġgħu resqu viċin li jsibu x-xibka meta Thaylor Aldama xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Zachary Grech li kellu x-xutt tiegħu mdwwar f’corner minn Amara Sylla.
Birkirkara wieġbu fit-58 minuta u għamluhom ħamsa meta ANDREI CIOLACU b’kordinazzjoni perfetta, kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu kważi minn tarf il-kaxxa jintemm wara l-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone, biex l-istess attakkant Rumen bħal Paul Mbong, irreġistra doppetta personali, u ftit sekondi wara safa sostitwit minn Kevin Tulimieri.
Huma komplew jippressaw u fit-63 minuta is-sostitut Kevin Tulimieri xeħet cross lejn Denis Custodio Ribeiro li minn taħt il-lasta, kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
Dan sabiex seba’ minuti wara, Enzo Daniel Cabrera, dejjem għall-Istripes, kellu konklużjoni mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa tiġi mdawra f’corner b’mod stupend minn Kone.
Fid-79 minuta, is-sostitut ta’ Birkirkara, Jean Paul Farrugia, kellu xutt sabiħ mid-diatanza imdawwar f’corner għal darb’oħra bi bravura minn Kone.
L-Istripes komplew jamministraw il-vantaġġ komdu ta’ ħames goals li kellhom sa tmiem il-partita.