Il-produzzjoni tal-majjal Malti baqgħet b’saħħitha mill-bidu tas-sena li għaddiet ’l hawn, grazzi għall-għajnuna tal-Gvern biex inaqqas l-impatt tad-diffikultajiet, partikolarment riżultat tal-COVID-19 u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-għalf minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna.
Dan ħareġ mill-edizzjoni tal-lum, tal-gazzetta Kulħadd.
Minn statistika, li ngħatat fil-Parlament, jirriżulta li l-inċertezza fis-settur damet biss ftit ġimgħat, hekk kif il-Gvern intervjena biex jipproteġi l-katina tal-ikel lokali, u setturi li ġew affettwati biż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież tal-annimali.
Mill-bidu ta’ Mejju tal-2022, il-Gvern nieda skema ta’ sussidju temporanju għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet ta’ €10 miljun.
Dan sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-ikel lokali u tiġi immitigata ż-żieda fil-prezzijiet relatati.
Fil-ftit ġimgħat qabel tħabbret din l-għajnuna, intwera tnaqqis ta’ 9% fil-qatla medja fil-Biċċerija, għalkemm mix-xahar ta’ wara reġa’ kien hemm irkupru sħiħ għal-livelli normali.
Ċifri li ngħataw din il-ġimgħa mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, juru li l-produzzjoni tal-majjal fil-Biċċerija tvarja skont il-perjodi, b’total ta’ 51,102 iħnieżer maqtula fl-2022, li jammonta għall-medja ta’ 983 ħanżir fil-ġimgħa.
Il-Ministru Refalo fakkar ukoll f’interventi finanzjarji ulterjuri lis-settur, fosthom l-għajnuna lill-Koperattivi tal-Majjal, il-Pig Welfare Scheme, u għajnuna relatata mal-COVID-19.
Sorsi qrib il-Biċċerija spjegaw li d-domanda domestika għal dan il-laħam tiżdied sew fis-sajf, minħabba l-BBQs, u fil-perjodu tal-Milied, minħabba l-ikliet.
Statistika ppreżentata, tixhed kif li l-aktar ġimgħa qawwija ta’ xogħol f’dan ir-rigward fil-Biċċerija kienet dik ta’ bejn il-21 u l-25 ta’ Marzu 2022, fejn inqatlu 1,286 ħanżir.
Il-medja tal-ewwel 11-il ġimgħa ta’ din is-sena hi ta’ 90 ħanżir inqas fil-ġimgħa meta mqabbel mal-medja tal-2022 sħiħa, u anke mal-istess perjodu fil-bidu tas-sena li għaddiet.