Valletta rriżultaw bħala wisq b’saħħithom għal Zebbug Rangers meta għelbu l-isfida tagħhom bl-iskor kbir ta’ 5-1, bil-goals għalihom jaslu tnejn fl-ewwel taqsima, u tlieta fit-tieni waħda.
Għalihom, fost oħrajn, spikkaw ferm l-iskorer prolifiku Arġentin, Federico Falcone, u ż-żagħżugħ Andrea Zammit li rreġistraw doppjetta personali kull wieħed, kif ukoll Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong, li rreġistra tliet assists għall-ħames goals Beltin.
Il-Beltin għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor fit-tmien minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Fedrico Flacone, wara li rċieva minn kross pinġut ta’ Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong.
Zebbug wieġbu fit-12-il minuta meta Charles Lokoli Ngoy kellu x-xutt tiegħu salvat bi bravura mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Valletta, Cain Formosa.
Il-Beltin reġgħu ħolqu l-periklu fis-16-il minuta meta xutt minn pożizzjoni ideali ta’ Nilton Soares Rodrigues, ġie salvat minn mal-art b’siequ mill-goalkeeper ta’ Zebbug Rangers, Miguel Chetcuti.
Fil-25 minuta, huma rdoppjaw l-iskor meta minn korner mogħti minn Nnomo Ngong, il-ballun ħabat mal-art qabel ma Andrea Zammit permezz ta’ daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta, tefa’ ġewwa.
U jidher li l-Beltin ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fil-ftuħ tat-tieni taqsima, ħarġu ferm aggressivi, u fis-47 minuta, għamluhom tlieta, meta wara li rċieva minn corner mogħti minn Nilton Rodrigues Soares, Federico Falcone, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Huma komplew jippressaw u ħames minuti wara, Andrea Zammit, kellu xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa li għadda ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tat-team immexxi mill-coach żagħżugħ, Thane Micallef, u fil-55 minuta, rebħu penalty meta l-captain ta’ Zebbug, Gaetano Joseph Gesualdi waqqa’ lil Nilton Rodrigues Soares fil-kaxxa, u kawża t’hekk, ġie ammonit mir-referee Matthew De Gabriele.
Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-ispeċjalista Brandon Paiber, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx, tefa’ balun fir-rokna tx-xibka.
Zebbug wieġbu fis-66 minuta meta Charles Lokoli Ngoy dar tajjeb u venven xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li għadda ftit għoli.
Valletta reġgħu ħolqu l-periklu fit-78 minuta meta Andrea zammit avvanza tajjeb u peremzz ta’ xutt fil-baxx impenja severament lill-goalkeeper ta’ Zebbug Rangers, Miguel Chetcuti, li dawwar tajjeb f’corner b’siequ.
Zebbug rebħu penalty fid-79 minuta meta s-sostitut ta’ Valletta Triston Caruana miss il-ballun fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu Charles Lokoli Ngoy li falla t-tentattiv tiegħu, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jintemm barra.
Il-Beltin kienu għoddhom skorjaw il-ħames goal fil-81 minuta meta Federico Falcone kellu xutt mill-ewwel minn pożizzjoni ideali li stampa mal-mimdua, bil-ballun jibqa’ sejjer barra, biex b’hekk ir-Rangers ħelsuha ħafif.
Valletta ssiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fis-87 minuta meta Andrea Zammit, żmarkat għal kollox, u minn qagħda ideali tefa’ ġewwa.
Zebbug naqqsu l-marġni tal-isksor fit-88 minuta meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, Shaun Bugeja, b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper żagħżugħ ta’ Valletta, Cain Formosa.
Il-Beltin komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
Plejer tal-Logħba: Jean Marie Ulrich Nnomo Ngong (Valletta)