F’partita li ttrasformat ruħha fit-tieni taqsima, Sirens, kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Gudja United, bil-goal tant importanti għalihom jasal mill-Bulgaru Ivan Vaselinov Kolev fit-62 minuta, liema player safa mkeċċi proprju żewġ minuti biss wara.
Kienu Sirens li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Rei Tachikawa ittanta xortih permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Gudja United, Glenn Zammit.
Gudja wieġbu fit-23 minuta permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Samuel Da Mata Gomes li ġie ppanċjat f’sigurtá mill-goalkeeper tat-team minn San Pawl il-Baħar, Andrea Cassar.
Iżda reġgħu kienu Sirens li ħolqu l-periklu, żewġ minuti biss wara meta Jacob Walker xeħet cross li sab lil Rei Tachikawa, li kellu t-tentattiv tiegħu minn ġol-kaxxa jgħaddi barra.
Fit-tieni taqsima, Gudja, ħarġu ferm aggressivi u fil-55 minuta, xutt ta’ Vito Plut, ġie mblukkat minn Andrea Cassar, biex mir-rebound, Samuel Gomes Da Mata kellu x-xutt tiegħu mblukkat minn difensur avversarju.
Sirens irrispondew fit-58 minuta meta Ivan Vaselinov Kolev ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Glenn Zammit li salva tajjeb biex salva goal ċert
Il-partita kompliet tisbieħ u fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, minuta biss wara, l-ewwel kien Vito Plut għall-Gudjani li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat b’siequ minn Andrea Cassar, biex mir-rebound, Tatsuro Nagamatsu reġa’ sab lil Cassar attent.
Madankollu, kienu Sirens li fetħu l-iskor fit-62 minuta, meta Jacob Walker għadda tajjeb lejn Rei Tachikawa li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lil Ivan Vaselinov Kolev, li minn pożizzjoni ideali u b’xamma kbira għall-goal, tefa’ ġewwa.
Kulma jmur kompliet tikber id-drama fil-partita u żewġ minuti wara, iż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas meta tkeċċew Ivan Vaselinov Kolev għal Sirens u Juan Ramires Bolanos għal Gudja, it-tnejn permezz ta’ karta ħamra diretta, wara xi battibekki li nqalgħu bejniethom.
Gudja wettqu reazzjoni tajba u kienu sfortunati li ma ġabux l-iskor indaqs fid-69 minuta, meta xutt mill-ewwel minn taħt il-lasta ta’ Karl Micallef, stampa mal-mimduda, b’Sirens jeħilsuha ħafif.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fid-89 minuta, b’Sirens ikunu huma li joħolqu l-periklu, meta Rei Tachikawa, kellu xutt mid-distanza li ġie salvat b’diffikultá f’żewġ tentattivi minn Glenn Zammit.
Dan sabiex fil-ħin miżjud, Gudja, spiċċaw jilagħbu b’disa’ players meta tkeċċa għalihom is-sostitut Johann Bezzina, wara li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ ftit minuti.
Referee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Jacob Walker (Sirens)