Mark Saviour Borg ta’ ħamsa u ħamsin sena nstab ħati li hedded lil missieru ta’ sebgħa u tmenin sena, biex jagħtih il-flus għad-droga.
Fil-Qorti nstema’ kif Borg uża vjolenza psikoloġika fuq missieru, u dan saħansitra beda jibża li ibnu se juża l-vjolenza kontrih, tant li l-prosekuzzjoni nnutat li l-vittma kien imwerwer minn ibnu.
Apparti minn hekk l-imputat kien mixli wkoll li huwa riċediv.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-imputat ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, u stqarr li jiddispjaċih ħafna għal dak li għamel lill-missieru.
Id-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet li jsir rapport dwar l-għajnuna li għandu bżonn Borg qabel il-Qorti tagħti s-sentenza.
It-talba ntlaqgħet, u ordnat li l-imputat jinżamm arrestat, filwaqt li jitqiegħed fuq ordni ta’ trattament.
Borg qal li jixtieq jegħleb il-problema tal-vizzju tad-droga, hekk kif mingħajr il-vizzju, huwa kapaċi jieħu ħsieb lil missieru.
Il-Maġistrat irrispondiet billi qalet li dan ir-rikonoxximent għall-importanza tal-familja huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
Il-kawża ġiet diferita għal aktar tard dan ix-xahar, sakemm jinħadem ir-rapport ta’ qabel is-sentenza biex il-Qorti tkun tista’ tasal għaliha.