Erba’ adoloxxenti ngħataw rikonoxximent għall-progress tagħhom biex jegħlbu d-dipendenza fuq id-droga u għall-akkwist ta’ ħiliet ġodda, f’ċerimonja apposta li nżammet fiċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar. Dan filwaqt li tfajla minnhom irnexxilha twettaq b’suċċess il-fażi residenzjali tal-programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga offrut minn dan iċ-ċentru.
Din kienet is-sitt edizzjoni ta’ dan l-avveniment fejn ingħata rikonoxximent fil-preżenza tal-adoloxxenti nfushom u l-familjari tagħhom, kif ukoll tal-Ministru Michael Falzon u t-tmexxija ta’ Caritas Malta, fost oħrajn.
Dan il-programm huwa mifrux fuq sena jew aktar, skont l-esiġenzi tal-individwu, u huwa mmexxi minn tim ta’ professjonisti li jassistu 24 siegħa kuljum lil dawk li jagħżlu jirriformaw ħajjithom.
It-tim ta’ professjonisti taċ-Ċentru Terapewtiku tal-Adoloxxenti Tal-Ibwar beda jintervjeni ma’ żgħażagħ minn Mejju tal-2021. Dan iċ-ċentru jipprovdi servizz residenzjali, learning hub b’tagħlim applikat, servizzi psikosoċjali għall-adoloxxenti u l-familji tagħhom, u servizz komunitarju. Minn mindu fetaħ, ħadem ma’ 73 adoloxxent u l-familji tagħhom. Barra s-servizzi offruti fil-komunità lil dawn l-adoloxxenti, 20 adoloxxent ibbenefikaw minn servizz intensiv residenzjali.
Dan iċ-ċentru huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta, u sar b’investiment mill-Gvern ta’ €4 miljun u b’nefqa rikorrenti ta’ miljun ewro għal kull sena. Dan il-finanzjament jassigura li jingħataw ir-riżorsi kollha edukattivi, li jsaħħu l-iżvilupp soċjali, l-imġieba u fuq kollox il-benesseri tal-adoloxxenti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon enfasizza l-impenn tal-Gvern sabiex jara li ħadd ma’ jaqa’ lura speċjalment dawk l-aktar persuni vulnerabbli. “Kommessi li nkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. Dan il-programm huwa eżempju ħaj ta’ ħidma kontinwa mmirata sabiex timmassimizza l-potenzjal ta’ kull individwu bil-pass tiegħu. Dan il-Gvern se jkompli jinvesti fil-qasam tal-vizzji għax nemmnu f’soċjetà aktar b’saħħitha, mibnija fuq ħajja ’l bogħod mill-użu ta’ sustanzi”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt irringrazzja lill-Gvern għall-kollaborazzjoni kontinwa u l-finanzjament sabiex jopera dan is-servizz. “Il-Caritas tibqa’ impenjata sabiex tara li adoloxxenti li jaqgħu f’din ix-xibka, isibu ruħhom akkumpanjati u assistiti biex jiġu fuq saqajhom u jsibu triqthom”, stqarr id-Direttur tal-Caritas.