Kollox idur mal-ħin tat-tlieta ta’ waranofsinhar.
Fit-tlieta ta’ waranofsinhar, taqbad ħwejjiġha u tlebbet ’il barra. Fejn sejra? Waħedha jew ma’ xi ħadd? Żewġha ma xtaqhiex titlaq. Jew, għallinqas, mhux qabel ma jkollhom l-aħħar ċena flimkien.
Kollu minħabba dak li kien se jiġri l-għada fit-tlieta.
Il-produzzjoni teatrali bl-isem ta’ ‘Fit-3PM’ se tiġi ppreżentata fl-ispazju Kreattiv, il-Belt bejn il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu u s-Sibt, it-8 ta’ April.
Joseph Galea, koproduttur u kodirettur ta’ din il-biċċa xogħol artistika, spjegalna li l-fatt li l-isem tagħha jiffoka fuq il-ħin tat-tlieta ta’ waranofsinhar minnu nnifsu joħloq rabta mal-mewta ta’ Kristu fuq is-salib. Apparti minn hekk, anki l-kunċett tal-aħħar ikla jorbot mal-aħħar ċena li Ġesu’ kellu mal-appostli.
“L-ikla hija parti importanti f’dan ix-xogħol teatrali, li tfakkrek ukoll fl-aħħar ikla, pero’ hija l-aħħar ikla ta’ dan il-missier, li jixtieq jagħmel mal-familja tiegħu. Sintendi, għaliex l-għada fit-tlieta jkun hemm sitwazzjoni li se tinħoloq f’din il-familja, pero’ wieħed imbgħad ikun jaf jekk jara dan ix-xogħol”.
Huwa kompla jgħidilna li, bħala direttur, irid jassigura mhux biss li x-xogħol ikun ta’ kwalità għolja imma wkoll li jolqot il-faxex kolla tal-udjenza, minn dawk li jħobbu t-teatru għal dawk li se jattendu minħabba r-rabtiet li l-produzzjoni għandha mal-Ġimgħa l-kbira.
Tkellimna wkoll ma’ Carlos Farrugia, li se jkun qed jagħmel il-parti tal-missier f’din il-produzzjoni filwaqt li, flimkien ma’ Joseph Galea, jidderieġi d-dramm. Huwa spjegalna l-isfidi li l-familja fil-produzzjoni tgħaddi minnha, sfidi li lkoll kemm aħna nesperjenzaw f’din il-dinja tant mgħaġġla u teknoloġika.
“Huwa karattru rilevanti ħafna għax, ovvjament, kulħadd għandu familja, kulħadd parti minn familja, u dawn is-sitwazzjonijiet ovvjament se tiltaqa’ magħhom, jiġifieri n-nies se jassoċjaw ħafna ruħhom mal-karattri kollha li se jinterpretaw f’din il-produzzjoni: erba’ karattri.”
Fit-3pm għandha kitba ta’ Lon Chircop u l-play hija koproduzzjoni ma’ Spazju Kreattiv u tagħmel parti mill-programm tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.