“Jerfa’ Dnubietna” hija esebizzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa li qed tittella’ f’Sala San Ġorġ Preca fil-Fgura, jew kif inhi magħrufa ma’ ħafna, bħala l-knisja l-qadima.
Din is-sala nbidlet f’passaġġ li jieħu lil kull min jirfes fuqu fuq vjaġġ riflessiv, bl-episodji differenti li sawru l-istorja tal-passjoni ta’ Kristu.
Li jispikka f’din il-wirja huma l-istatwi life-size tul dan il-passaġġ li jagħtu ħajja lill-mumenti partikolari li seħħew aktar minn elfejn sena ilu.
Din is-sena żdiedet statwa ġdida li tirrappreżenta lil Kristu fil-ħabs.
Ryan Bezzina, wieħed mill-esebituri, spjegalna kif id-dettall f’kull statwa jispikka, u l-mumenti li fuqhom inħadmu l-istatwi huma identiċi għal dawk fil-film sinonimu ma’ dawn iż-żminijiet, “Passion of the Christ.”
Qal, “Il-life-size aħna noqogħdu ħafna attenti fix-xenarji, fuq id-dwal, is-sound, li jkun kollox kemm jista’ jkun immorru viċin għall-film. L-istatwarju James Azzopardi qagħad attent ħafna, anki għall-ilbiesi, id-daqqiet, imxejna kollox fuq l-istess kemm jista’ jkun viċin tal-film.”
Din il-wirja qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Festa Esterna tal-Fgura, u tinkludi statwi fil-minjatura, arti sagra, u platti tal-ismit.
Jispikkaw ukoll is-sepulkru antik li jmur lura mitejn sena u l-mejda tal-appostli bid-damask fl-entratura tal-post.
Il-President tal-Kummissjoni, Christian Muscat qalilna li f’din il-wirja, ingħatat attenzjoni partikolari wkoll lill-irxoxt.
Qal, “Din is-sena ħadna ħsieb li nagħmlu wkoll irxoxtijiet differenti li huma ta’ artisti lokali, huma minjatura u hawn minnhom ukoll abbozzi li qegħdin fil-knejjes lokali, fosthom ta’ Ħal Luqa u tan-Naxxar. Nippruvaw noħolqu xi ħaġa għall-gosti ta’ kulħadd.”
Il-wirja se tkun miftuħa nhar is-Sibt wieħed t’April u l-Ħadd tnejn t’April, filgħodu u waranofsinhar.
Imbagħad terġa’ tiftaħ l-Erbgħa ħamsa t’April filgħaxija, f’Ħamis ix-Xirka filgħodu u filgħaxija sa wara nofsillejl, u fil-Ġimgħa l-Kbira mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu san-nofs siegħa.