David Lineker Micallef ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ inżamm arrestat wara li allegatament prova jsuq fuq il-Pulizija u li kellu fil-pussess tiegħu diversi sustanzi illegali, fost l-oħrajn.
Fil-fatt huwa ġie akkużat li waqt li twaqqaf mill-Pulizija f’kontroll tat-traffiku f’Ħ’Attard fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Marzu huwa kellu fil-pussess tiegħu droga eroina, kokaina, u kannabis li ma kienux għall-użu esklussiv tiegħu.
Huwa ġie mixli wkoll li fil-pussess tiegħu kellu arma tan-nar mingħajr il-liċenzja meħtieġa.
Micallef kien akkużat li hedded u rriżista bi vjolenza jew ħebb għal numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija filwaqt li m’obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu minn uffiċjal u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq uffiċjal ieħor.
Fl-aħħar nett kien akkużat ukoll li saq vettura tat-tip Peugeot b’mod perikoluż, naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija dwar il-kontroll tat-ttraffiku u li rrenda lilu nnifsu riċediv.
L-akkużat li jaħdem bħala xufier ta’ tow truck wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Minkejja li d-difiża ma għamiltx talba għall-ħelsien mill-arrest għamlet talba biex lill-imputat isirlu test tossikoloġiku, liema talba ġiet onorata mill-Qorti.
Il-Qorti għamlet talba wkoll lid-Direttur tal-Ħabs biex l-imputat jingħata prijorità biex jibda programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Ritienne Gauci qablet ma’ dawn it-talbiet u b’hekk il-Qorti żammet lill-imputat taħt arrest.
Ritratt: Talk.mt