Dik li kienet qed titqies bħala l-ewwel darba li deher fil-Mediterran kelb il-baħar bl-isem ta’ ‘goblin shark’, qasmet il-komunità tal-bijoloġisti tal-baħar wara li faqqgħet kontroversja dwar jekk, fil-fatt, il-ħuta kinitx tal-plastik minflok ta’ veru.
Il-kontroversja bdiet meta, f’Awwissu tal-2020, xjenzat bl-isem ta’ Giannis Papadakis irrapporta li sab kelb il-baħar rari – mejjet iżda ppreservat tajjeb ħafna – fuq bajja fil-gżira Griega ta’ Anafi. Huwa bagħat ir-ritratt lill-grupp ta’ xjenzati, li mbagħad irreferew għal dan il-każ f’artiklu xjentifiku fuq speċijiet li dehru għall-ewwel darba fil-Mediterran. Huma bbażaw kollox fuq dak ir-ritratt wieħed biss u fuq deskrizzjoni qasira li bagħtilhom Papadakis.
Dan it-tip ta’ kelb il-baħar misterjuż jgħix f’fond kbir, mijiet ta’ metri taħt il-baħar u tipikament jinsab fil-Baħar Indjan, fil-Paċifiku, u fl-Atlantiku. Qatt ma kien ġie rrappurtat li ntlemaħ fil-Mediterran.
Diversi esperti tal-klieb il-baħar qraw il-pubblikazzjoni ‘Mediterranean Marine Science’ u bdew jiddubitaw mil-leġittimità ta’ din l-iskoperta u għalhekk semmgħu leħinhom. Huma qajmu dubji li komplew jiżdiedu wara li nxterdu ritratti ta’ kelb il-baħar tal-plastik li jidher simili ħafna għall-“kampjun” li kien allegatament instab fuq il-bajja Griega.
Iżda r-riċerkaturi li ppubblikaw id-dokument baqgħu isostnu li l-kelb il-baħar kien wieħed ta’ veru. Dwar id-daqs ċkejken tal-goblin shark argumentaw li probabbilment kien embrijun, però din l-ispjegazzjoni ma kkonvinċiet xejn lill dawk li kienu xjettiċi u li saħqu li embrijun ta’ kelb il-baħar ma jkunx jidher daqshekk żviluppat.
Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riċerkaturi kellhom ibaxxu rashom u jirtiraw il-pubblikazzjoni.