Waqt id-dibattitu tal-Ħamis filgħodu dwar Malta fil-Parlament Ewropew fi Brussell intervjena l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, li sostna li l-Partit Popolari Ewropew iġib kull skuża b’Malta biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq gvernijiet li jagħmlu parti minnu.
“Għall-EPP, Malta saret l-aktar skuża faċli biex jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq kwistjonijiet reali ta’ theddida għas-Saltna tad-Dritt illi qed iwettqu gvernijiet tal-Popolari madwar l-Ewropa. Medja ta’ tliet riżoluzzjonijiet fuq Malta, jirrepetu fatti riċiklati u miżinformazzjoni totali, bħal dak li qegħdin nesperjenzaw illum f’dan id-dibattitu.”
Alex Agius Saliba
F’diskors li ssottometta quddiem il-Parlament Ewropew, minħabba li ma setax ikun fi Brussell minħabba impenji oħra, l-Ewroparlamentari Cyrus Engerer sostna fuq in-numru ta’ riformi li qiegħed jagħmel pajjiżna.
“Din hija l-11-il darba li ddiskutejna s-Saltna tad-Dritt f’Malta u, kif għidt fid-diskors tiegħi, kull Gvern jagħmel ħafna affarijiet tajbin u dejjem ikun hemm in-numru ta’ nuqqasijiet. U llum il-ġurnata għandna lill-Kummissjoni Ewropea. Infatti, von der Leyen diġà qalet li Malta miexja fit-triq it-tajba u llum kellna konferma mill-Kummissarju Jourova fil-Parlament Ewropew stess.”
Cyrus Engerer
Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar tkellmet dwar kif il-Kummissjoni Ewropea għal darba rrikonoxxiet ir-riformi li qiegħed jagħmel il-gvern Malti, f’dawn l-aħħar snin.
“Invista tad-dibattitu li kellna dalgħodu, nerġa’ nirrepeti mhux dak li nemmen fih jien, Maltija konvinta, imma dak li reġgħet tenniet il-Kummissjoni Ewropea, li rrikonoxxiet l-isforzi u r-riformi li saru mill-2020 ’l hawn, inkluż fil-qasam tal-indipendenza ġudizzjarja, kif ukoll ir-riżorsi allokati mill-gvern Malti biex insaħħu l-Qrati u l-ġustizzja f’pajjiżna.”
Josianne Cutajar
L-Ewroparlamentari u l-Kap tad-Delegazzjoni fil-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista, Alfred Sant, qal li Malta qed tkun diskussa l-istess bħall-pajjiżi li għandhom sitwazzjoni ħafna agħar.
“Il-Greċja, għax spjunat fuq il-membri tal-Oppożizzjoni, Franza għax il-Pulizija attakkaw bl-aħrax lid-dimostranti, Spanja għax użat mezzi ta’ spjunaġġ fuq il-Katalani u, grazzi għar-ruħ tajba tal-Partit Nazzjonalista, Malta għax qed ittella’ l-Qorti lil min ippubblika recordings ipprojbiti mill-Qrati. Il-gruppi tal-Popolari l-aktar, jirriklamaw li m’għandhomx jittellgħu gvernijiet għad-diskussjonijiet u fl-istess nifs jipproponu li dan għandu jsir dwar gvernijiet li mhumiex tal-partit tagħhom.”
Alfred Sant
AQRA WKOLL: