Il-Partit Laburista nnota fi stqarrija, li l-Partit Nazzjonalista reġa’ għamel tentattiv, permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew, biex mingħalih jerġa’ jsawwat lil pajjiżna.
“Ironika li din il-mossa għamilha lejlet Jum il-Ħelsien. Iżda, kienet ukoll mossa li fallietlu għax kulħadd qed jirrikonoxxi l-passi ‘l quddiem fil-ġlieda għas-saltna tad-Dritt.”
Il-Partit Laburista qal li, fil-fatt, hija ħasra li l-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista kienu biċċa waħda mal-Partit Popolari Ewropew biex jużaw lil Malta ħalli jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq pajjiżi oħra fi plenarja li reġgħet rat l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista jgħidu li Malta sejra lura. Għax il-Partit Nazzjonalista lest jaqbeż għall-gvernijiet sħabu f’pajjiżi oħra, iżda mhux għal pajjiżu.
L-istqarrija nnutat li, filwaqt li l-Kummissarju Ewropea tkellmet dwar ir-riformi li saru mill-2020 ‘il quddiem, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma jsib xejn pożittiv xi jgħid dwar Malta barra minn xtutna.
“Li kieku jrid ikun kredibbli, il-Partit Nazzjonalista jsemmi l-fatti kollha u mhux jagħmel dikjarazzjonijiet politiċi partiġġjani biex joskura lil pajjiżna,! saħaq il-Partit Laburista.
“Mhux ta’ b’xejn il-Membri tal-Parlament Ewropew l-oħra li tkellmu ma komplewx fuq dan it-tfigħ ta’ tajn mhux ġustifikat lejn pajjiżna, anke għax illum huma wkoll jirrikonoxxu r-riformi kbar li qed tagħmel Malta u jgħarfu tajjeb kemm pajjiżna mexa ‘l quddiem fejn tidħol saltna tad-Dritt,” temm jgħid il-Partit Laburista.
AQRA WKOLL: