Jum il-Ħelsien ifakkar il-ġurnata li Malta kisbet il-ħelsien u saret uffiċjalment stat sovran. Fil-31 ta’ Marzu 1979, telqu l-aħħar bastimenti Ingliżi minn pajjiżna u Malta ma baqgħetx tintuża bħala bażi militari Ingliża. Fl-okkażjoni tal-44 sena anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, qed jorganizza programm ta’ attivitajiet sabiex jiġi mfakkar dan il-jum.
Il-Ġimgħa, 31 ta’ Marzu 2023, Jum il-Ħelsien, fid-9:30 ta’ filgħodu, jibda marċ mill-Banda tal-Forzi Armati minn Pjazza Gavino Gulia u jgħaddi minn Triq ix-Xatt ta’ Bormla. Wara jkompli għaddej minn Triq San Lawrenz fil-Birgu, u jibqa’ sejjer sal-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu.
Għal din iċ-ċerimonja, permezz tal-Banda tal-Forzi Armati flimkien mal-Gwardja tal-Unur, jilqgħu lill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Iċ-ċerimonja fuq l-Għolja tal-Ħelsien tibda fl-10:00 ta’ filgħodu fejn il-President jingħata s-salut nazzjonali. Wara, l-ogħla awtoritajiet flimkien jitilgħu l-Għolja tal-Ħelsien fejn il-Banda tal-Forzi Armati teżegwixxi l-Innu tal-Ħelsien. Wara tindaqq il-fanfarra u jitpoġġew il-fjuri mal-monument. Iċ-ċerimonja tiġi fi tmiemha bid-daqq tal-innu nazzjonali.
Fin-12:30 ta’ waranofsinhar ser issir ir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir, organizzata mill-Għaqda Regatta Nazzjonali bil-għajnuna ta’ SportMalta, fejn ser ikun hemm diversi tiġrijiet tad-Dgħajjes A tal-Midalji – Frejgatini – Dgħajjes C tal-Pass – Kajjikki – Dgħajjes B tal-Pass fil-Kategoriji Open u dik Reserves. Wara kull tiġrija ssir il-preżentazzjoni tat-tazzi u l-palji tat-tiġrija partikolari. Wara li jispiċċaw it-tiġrijiet kollha ssir preżentazzjoni tax-shield lill-klabb li jikseb l-akbar għadd ta’ punti fit-tiġrijiet tal-Kategorija Open u oħra fil-Kategorija Reserves. F’din l-edizzjoni tar-regatta se ssir ukoll tiġrija tal-frejgatini għall-qaddiefa nisa fejn ir-rebbieħa tat-tiġrija jiġu wkoll preżentati b’shield apposta. Ir-regatta se tixxandar b’mod dirett fuq TVM Sports +.
Is-Sibt 1 ta’ April 2023, fl-10:30 ta’ filgħodu ser issir parata mill-Banda tal-Forzi Armati tul Triq ir-Repubblika u tintemm fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.