St George’s Futsal huma r-rebbieħa tal-Enemed Futsal Challenger League meta fil-finali li ntlagħbet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport għelbu lil Żurrieq bl-iskor ta’ 6-2.
Għall-Bormliżi dan hu l-ewwel suċċess kemm ilhom mwaqqfin għal dawn l-aħħar tliet snin.
L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata b’St George’s dejjem fil-vantaġġ iżda b’Żurrieq li dejjem ġabu l-iskor indaqs.
Minkejja kollox, il-Bormliżi tjiebu fit-tieni taqsima u skorjaw erba’ gowls oħra li eventwalment iddeċidew ix-xorti ta’ din il-logħba.
Kien Claudio Venuto li poġġa lil St George’s minn fuq sabiex David Ferreira de Almeida li ġab l-iskor indaqs għal Żurrieq.
Wallace Oliveira reġa’ poġġa lit-tim mill-Kottonera fil-vantaġġ għalkemm Jose Mario Mendes Fernandes għamilhom 2-2, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.
St George’s kellhom it-tieni taqsima perfetta fejn ħadu għal kollox lil Żurrieq u skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta. Jovica Milijic skorja doppjetta u Wallace Oliveira żied gowl ieħor mal-kont tiegħu qabel ma’ Karl Luke Schembri ssiġġilla r-rebħa finali għat-tim tiegħu fost il-ferħ tal-partitarji numerużi Bormliżi li ġew bi ħġarhom jagħtu s-sapport lit-tim tagħhom.
Fi tmiem il-konfront il-president tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-goalkeeper u captain ta’ St George’s Futsal Ishmael Buhagiar.
Referees: Stephen Vella, Andrea Naudi, Pierre Bonnici , Danilo Francalanza.
Time-keeper: Jonathan Balzan.