Il-Partit Popolari Ewropew, li jagħmel parti minnu l-Partit Nazzjonalista, instiga dibattitu ieħor dwar Malta fil-Parlament Ewropew, li se jsir dalgħodu fi Brussell.
Il-Partit Popolari Ewropew qed jagħmel dan waqt li qed jiddefendi sitwazzjoni fejn il-Mexxej tal-Partit Soċjalista Grieg, il-PASOK, Nikos Androulakis, kellu l-mowbajl tiegħu spijat mis-servizzi sigrieti taħt Gvern immexxi mill-partit tad-Demokrażija Ġdida, li hu affiljat mal-Partit Popolari Ewropew innifsu.
Dan kuntrarju għal Malta, fejn għandna Gvern li mhux affiljat mal-Partit Popolari Ewropew.
Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Popolari Ewropew, biex jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li huma mmexxija minn partiti qrib tiegħu, jiftaħ il-kanuni fuq Malta, b’instigazzjoni minn Roberta Metsola u David Casa, fost l-oħrajn.
Id-deputati tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew diġà tkellmu dwar din l-ipokresija politika, li ddeskrivewha bħala inaċċettabbli u tal-mistħija.
Ilbieraħ, fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari mill-grupp tas-Soċjalisti, mill-grupp tal-Ħodor u mill-grupp tax-xellug ivvutaw kontra milli jsir dan id-dibattitu rigward Malta.