Il-prezzijiet tal-elettriku m’għandhomx jibqgħu dipendenti fuq dawk tal-gass.
Għaddiet dan il-messaġġ il-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea, li saret fi Brussell.
Hija sostniet dan fil-kuntest tal-fatt li l-prezz tal-elettriku huma stabbiliti minn suq li l-prezzijiet tiegħu jingħalqu siegħa b’siegħa. Dan il-prezz normalment jiġi determinat mill-elettriku ġġenerat mill-impjanti tal-gass, u konsegwentement mill-prezzijiet tal-gass.
Fil-Kunsill ġew diskussi proposti ġodda mill-Kummissarju Ewropea għal tfassil ġdid tas-suq tal-elettriku, tal-gass, u tal-idroġenu u d-domanda tal-gass.
Il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ reviżjoni li tassigura prezzijiet stabbli u li tiggarantixxi sigurtà tal-provvista fit-tul – prezzijiet li jibbenifikaw minnhom il-konsumaturi Ewropej, inklużi dawk l-Istati membri, bħal Malta, li huma dipendenti fuq swieq ta’ pajjiżi oħra.
“Waħda mill-ikbar proposti li jista’ jkun hemm, li verament ikun hemm differenza biex innaqqsu il-prezz tal-enerġija, hija l-Electricity Market Design. Pero, illum, kif iddiskutejna anki mal-Kunsill, li biex innaqqsu l-prezz tal-elettriku, irridu nnaqqsu l-prezz tal-gass għaliex, fis-sitwazzjoni kif inhi bħalissa, il-prezz tal-elettriku huwa totalment dipendenti minn fuq il-prezz tal-gass. Allura, it-tnejn li huma ma jistax ikun li jibqgħu meqjusa t-tnejn flimkien.”
Id-diskussjonijiet fuq it-tfassil tas-suq tal-elettriku huma mistennija li jkomplu fil-ġimghat u x-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Dalli aċċennat għal kif il-gvern Malti żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
“Irridu naċċertaw ruħna li nżommu stabbilità fil-prezz tal-enerġija. Pajjiżna ħa d-deċiżjoni konxja li jżomm stabbilità fil-prezz tal-enerġija, anki minħabba li pajjiżna magħmul iktar minn SMEs u l-familji, u rridu naċċertaw ruħna li ma nerġgħux lura f’sitwazzjoni fejn nibdew naraw prezzijiet tal-enerġija jogħlew b’mod stratosferiku li jkunu ta’ piż għall-pajjiż u jitfgħu piż fuq il-kompettitività ta’ pajjiżna.”
F’din il-laqgħa, il-Ministri tal-Enerġija qablu li jestendu għal sena oħra r-regolamenti fuq it-tnaqqis tal-użu tal-gass.
Din se twassal għat-tnaqqis fid-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq il-gass Russu u preparazzjoni għall-istaġun xitwi li jmiss. Malta kienet innegozjat b’suċċess deroga minn proposta tal-Kummissjoni Ewropea li kienet imponiet tnaqqis ta’ ħmistax fil-mija fl-użu tal-gass.
Din id-deroga kienet bżonnjuża minħabba li Malta hija dipendenti ħafna fuq l-elettriku, u kull tnaqqis obbligatorju kien ikollu impatt negattiv fuq il-familji u n-negozji.
Anke fl-estensjoni ta’ dan ir-regolament, Malta innegozjat biex iżżomm id-deroga.
Il-ministri Ewropej tal-enerġija qablu dwar pożizzjoni fuq pakkett tal-gass u l-idroġenu.
Dawn il-proposti għandhom l-għan li jiffaċilitaw id-dħul ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli u gass, li jwasslu għal qabża mill-gass naturali għal gassijiet ġodda li għandhom rwol importanti biex jintlahqu l-miri tal-Unjoni Ewropea biex, sal-2050, ma jinħolqux gassijiet b’effett ta’ serra aktar milli kapaċi tassorbi l-pjaneta.