Ġie ffirmat ftehim, b’valur ta’ €1 miljun, biex jibda x-xogħol fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ San Nikola, is-Siġġiewi. Il-ftehim ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja parrokkjali tal-lokalità waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan il-proġett se jsir wara diversi diskussjonijiet u studji ddetaljati li saru.
Huwa enfasizza li parti kbira mix-xogħol se jsir lill hinn miz-zuntier, b’hekk ikun ta’ inqas inkonvenjenza għar-residenti Siġġiwin.
Stqarr, “Hija xi ħaġa importanti li kemm bħala gvern u anke s-settur privat insibu l-aħjar metodi kif il-proġetti jsiru bl-inqas inkonvinjenza possibbli. Dan huwa proġett li fih is-sensittività storika tiegħu. Hemm diversi elementi li jridu jinħadmu bi preċiżjoni fuq disinn ta’ ċertu livell u allura x-xogħol jinħadem mhux fuq il-post imma ġewwa fabbrika apposta.”
Il-Ministru rringrazzja lill dawk kollha li qed jikkontribwixxu din l-inizjattiva, li se jsebbaħ ir-raħal tas-Siġġiewi, u rrimarka li dan juri ċar l-impenn tal-Gvern li jkompli jsebbaħ l-irħula Maltin u Għawdxin.
L-Arċipiriet tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud, tkellem dwar l-importanza dan il-proġett għall-pjazza tar-raħal, għax iz-zuntier għandu rabta twila mal-istorja tal-post u huwa l-post fejn inħolqu l-memorji ta’ eluf li attendew okkażjonijiet differenti, minn funerali sa żwiġijiet.
Qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon li anke l-Gvern qed jissapportja din il-komunità parrokkjali biex nieħdu ħsieb dan il-patrimonju tagħna.””
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, faħħar dan l-investiment li, saħaq, se jikkumplimenta l-knisja tas-Siġġiewi. Huwa rringrazzja lill-Gvern għal-investiment favur it-tisbiħ tal-lokalità.