Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, appella lill-banek Maltin sabiex anke huma jgħinu fil-proċess rijabilitattiv u, meta jkun hemm xi eks priġunier li jkun irriforma lilu nnifsu, ma joqogħdux lura milli jiftħulu kont. Huwa kien qed jitkellem waqt il-ħin tal-aġġornament Parlamentari lbieraħ filgħaxija.
Il-Ministru Camilleri osserva li bosta eks-priġunieri li jkunu jridu jaħdmu, u forsi anki jixtru proprjetà, wara proċess sħiħ ta’ ribilitazzjoni li għaddew minnu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed isibu l-bibien magħluqa.
“Meta jiġri hekk, x’messaġġ qed nibagħtu lil dak il-priġunier li jkun ikkopera? Mhux li jkollu jmur lura għall-illegalità sabiex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum?” staqsa l-Ministru Camilleri. Huwa qal li se jkun qed jikteb lill-banek biex jappellalhom proprju dan.
Fl-istess diskors, il-Ministru responsabbli mill-Intern spjega l-proċess li jsir fil-Faċilità Korrettiva biex persuna tkun tista’ tiġi rijabilitata. Dan jinkludi pjan maħsub għal kull individwu u appoġġ soċjali, mediku, psikjatriku, u psikoloġiku. Fl-istess waqt, ikun hemm koperazzjoni wkoll ma’ diversi għaqdiet fis-settur fosthom ir-Rise, il-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, u għaqdiet oħra.
Il-Ministru Camilleri ħabbar li aktar minn 60 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet inkjesta li nfetħet fl-aħħar tal-2021 twettqu, filwaqt li fuq il-kumplament hemm ix-xogħol għaddej.