Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Professionals & Services Employees’ Union li se jkun qiegħed jiżgura li tlieta u sittin impjegat, li jokkupaw rwoli ta’ mużiċisti professjonali mal-orkesta, jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi u minn aktar benefiċċji.
L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-bidliet ewlenin f’dan il-ftehim kollettiv jinkludu żieda fil-paga bażika kif ukoll allowances aħjar għall-manutenzjoni tal-istrumenti, fost l-oħrajn. Qal li l-mużiċisti li jivvjaġġaw fuq xogħol se jibbenefikaw minn kundizzjonijiet u minn allowances li huma konformi mal-Public Service Management Code, il-PSMC.
Il-Ministru qal li l-għan tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss ta’ natura finanzjarja iżda se jara wkoll li dan il-ftehim jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol bil-għan li sservi ta’ aspirazzjoni għal impjegati futuri.
Il-Ministru żied jgħid li dan qed isir sabiex jiġu inkoraġġiti aktar mużiċisti filwaqt li tiġi promossa l-progressjoni fil-karriera tal-impjegati.
Għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid attendew ukoll iċ-Chairperson Alfred Camilleri u l-Aġent Kap Eżekuttiv Chris Muscat.