Għawdex li tant ra bidla minn meta sab Gvern li beda jarah mutur ekonomiku. Illum, Għawdex jinsab f’pożizzjoni fejn sitta minn kull għaxar Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess. Qatt Għawdex ma ra daqstant investiment kapitali u dan hu r-ritmu li jrid jinżamm fiż-żmien li ġej.
Dan hu l-messaġġ ewlieni tal-Ministru Clint Camilleri u d-Deputat Romilda Zarb waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn emfasizzaw li llum, sena wara li l-poplu ta l-fiduċja lill-Partit Laburista biex minn elf proposta nagħmluhom elf kisba, ma rridux nistrieħu fuq dawn il-kisbiet biss iżda rridu nkomplu nbiddlu dan il-pajjiż u noffru ġejjieni aħjar lill-poplu Għawdxi u Malti.
Il-Ministru Clint Camilleri saħaq li “l-investiment u kwalita’ ta’ ħajja tajba se jibqgħu fuq quddiem nett tal-prijoritajiet għall-Għawdxin. Issa se jkollna f’Għawdex ukoll wieħed mill-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa li għandna pjanati fil-qalba tar-Rabat… Dan hu r-ritmu li rridu nżommu għaż-żmien li ġej. Fuq kollox inżommu kelmtna.”
Id-Deputat Romilda Zarb sostniet kif “bħala poplu magħqud ksibna ħafna. Komplejna nwessgħu l-kisbiet fl-oqsma kollha – mis-soċjal għad-drittijiet ċivili, mill-ekonomija għar-riformi fil-qasam tal-governanza, edukazzjoni u ħafna u ħafna iżjed. Għalhekk iva, rridu nirrikonmoxxu l-kisbiet tagħna imma nitkellmu u nippjanaw għal għada. Dan hu dak li jagħmilna differenti minn ħaddieħor.”
Gvern kommess li mat-tkabbir ekonomiku jagħti spinta bla preċedent biex tkompli titjieb il-kwalita’ ta ħajja tan-nies.