Il-klabb tal-Isla se jerġa jkun fost l-isfidanti ewlenin għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena. F’Kategorija A huma se jkunu qed jikkompetu bl-istess crew ta’ qaddiefa fl-opri l-kbar, filwaqt li kellhom tibdil importanti fl-opri ż-żgħar.
Huma mistennija jagħtu sfida qawwija lill-klabb ta’ Bormla u l-Birgu għar-rebħ tax-Shield ta’ Kategorija A.
L-Isla żammew il-crew tad-dgħajsa tal-Midalji u Ta’ b’Erbgħa li f’Settembru li għadda spiċċaw fit-tieni post f’taqtiegħa ħarxa għall-ewwel pożizzjoni. Il-qaddiefa huma Glenn Zammit, Russell Buġeja, Glenn Gauci u Redeemer Rapa
Konfermati wkoll iż-żewġ qaddiefa fid-dgħajsa ta’ bi tnejn, Russell Buġeja u Glenn Żammit, li f’Settembru spiċċaw fit-tieni post.
Fil-Kajjik se jaqdfu Davison Micallef flimkien ma’ Andre Gauci filwaqt li fil-Frejgatina se jaqdef Davison Micallef flimkien ma’ Clyde Mizzi.
Kien hemm tibdil kbir f’Kategorija B. Hawnhekk ta’ nota ż-żewġ qadiefa U15 Denilson Long u Clayton Azzopardi li se jaqdfu rispettivament f’Tal-Midalji u Ta’ b’Erbgħa.
F’Tal-Midalji hemm taħlita ta’ veterani u żagħżagħ. Il-qaddiefa huma Dorian Cilia li ħaduh mingħand Kalkara, Marlon Cutajar, Matthew Dalli u Denilson Long.
Fil-Kajjik hemm Steven Dalli li akkwistawh b’self mingħand Birżebbuġa flimkien ma’ Kevin Camilleri.
F’Ta’ bi Tnejn insibu lil Marlon Cutajar u Kevin Camilleri.
Fil-Frejgatina se jaqdfu Steven Dalli ma’ Matthew Dalli.
F’Ta’ b’Erbgħa hemm Malcolm Vella li ġej mill-klabb ta’ Siġġiewi flimkien ma’ Clifford Buġeja, Matthew Dalli u Clayton Azzopardi.
L-Isla se jieħdu sehem ukoll fit-tiġrija tan-Nisa bil-qaddiefa Alayah Bonello u Brooke Stivala.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir il-Ġimgħa 31 t’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fin-12:30.