Ġie ffirmat ftehim bejn il-Public Broadcasting Services Limited u GO plc biex jiġi assigurat li kull ċittadin ikollu aċċess bażiku għat-televiżjoni mingħajr ħlas.
Is-servizz magħruf ‘free-to-air’, se jkun qiegħed jiġi sostnut u estiż b’investiment ta’ miljun u nofs ewro fuq għaxar snin sabiex jiġi assigurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibqgħu igawdu d-dritt tat-trażmissjoni bl-erjal.
B’hekk, il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkunu qegħdin igawdu minn aċċess għal tmien stazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ta’ ‘multiplex’ tal-istazzjonijiet lokali li jgawdu l-istatus ta’ objettiv ta’ interess ġenerali.
Il-kumpanija PBS Ltd baqgħet tiġi identifikata bħala l-operatur għal dan is-servizz ta’ ‘free-to-air’. Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS, Mark Sammut, spjega li dan l-investiment sar wara riċerka kwalitattiva li sabet kif numru konsiderevoli ta’ Maltin li jiddependu fuq dan is-servizz.
“Sar eżerċizzju fejn rajna kemm kien għad hawn households li jużaw dan is-servizz, kif qal il-Ministru. Rajna illi kien hemm 4,000 familja li ċemplu – elfejn minnhom dipendenti fuq dan is-servizz. Allura rajna li dan is-servizz jibqa’ għaddej.”
Il-Kap Eżekttiv ta’ GO plc, Nikhil Patil stqarr li jinsab kburi li l-kumpanija li jmexxi hu se tibqa’ tassigura dan is-servizz permezz ta’ ftehim li ddeskrivieh bħala wieħed storiku.
“This enables us to make sure that, at least, free television and local content is reaching out to all Maltese residents and its fundamental to our purpose.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li l-Gvern jemmen li għandu jsostni dan is-servizz pubbliku li joffri garanzija ta’ aċċess għal kulħadd mingħajr esklużjoni u b’diversità ta’ programmazjoni ta’ stazzjonijiet lokali.
“Issa n-nies jafu li jistgħu jaraw is-servizzi “free-to-air” bl-aerial transmission bħalma kienu qed jaraw sal-lum. Din hija turija ta’ kif, flimkien, se nkomplu nwettqu miżuri li huma ta’ benefiċċju għall-familji Maltin u Għawdxin.”
Fl-aħħar ġimgħat saru xi tħejjijiet u kien hemm tibdil u tisħiħ fin-network eżistenti biex jassiguraw is-sostenibbiltà tas-servizz għas-snin li ġejjin mingħajr interruzzjoni.