In-netwerk tat-trasport fil-Ġermanja se jkun kważi wieqaf illum, hekk kif tnejn mill-akbar unjins fil-pajjiż ħarġu fuq strajk.
Ħaddiema fl-ajruporti, portijiet, stazzjonijiet tal-ferroviji u xufiera ta’ tal-linja, telqu mix-xogħol ftit wara nofsillejl għal strajk ta’ erbgħa u għoxrin siegħa.
Il-unjins qed jitolbu għal pagi ogħla biex il-membri tagħhom ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja li qed jiżdied fil-pajjiż.
Fl-aħħar jiem diġà saru strajkijiet oħra f’setturi pubbliċi diversi, iżda l-istrajk tal-lum mistenni jkun l-ikbar wieħed f’deċenji fil-pajjiż.
Iż-żewġ unjins bejniethom jirrappreżentaw kważi tliet miljun ħaddiem.