Quddiem stadium mimli, il-Ħadd filgħaxija Malta ġiet megħluba mill-Italja 2 – 0 fit-tieni partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2024.
Bidu tajjeb għal Malta hekk kif wara ħames minuti pass eċċelenti ta’ Joseph Mbong lejn Alex Satariano li wara li avvanza fajjar xutt li Donnarumma salva b’diffikulta f’korner. Mill-stess korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Yannick Yankam ġiet salvata mill-ġdid mill-gowler Taljan.
Ir-reazzjoni tal-Italja waslet mal-kwarta logħob meta konklużjoni ta’ Alessio Romagnoli ġiet salvata f’korner. Mill-korner sussegwenti l-Italja marret fil-vantaġġ. Il-korner kien mogħti minn Sandro Tonali u Mateo Retegui bir-ras xeħħet fix-xibka biex poġġa lit-Taljani 1 – 0 fil-vantaġġ.
L-Italja sfurzati jaffettwaw l-ewwel sostituzzjoni fil-21 minuta meta Wilfired Gnonto weġġa u minfloku daħal jilgħab Vincenzo Grifo.
Mal-27 minuta l-Italja irduppjaw meta minn kross ta’ Emerson, Matteo Pessina mill-viċin id-depożita l-ballun fix-xibka għal 2 – 0. L-Italja, komplew iżiedu fil-logħob u tlett minuti wara kien l-gowler Henry Bonello l-imblokka konklużjoni ċentrali ta’ Grifo.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, Roberto Mancini wettaq sostituzzjoni oħra, hekk kif Matteo Darmian daħal jilgħab minflok Giovanni Di Lorenzo.
Fil-57 minuta, l-plejers Maltin irnexxilhom joħolqu paniku fid-difiża Taljana b’azzjoni mibdija minn korner fejn l-ewwel Guillaumier kellu konklużjoni salvata minn kważi fuq il-linja tal-gowl u fl-stess azzjoni Yankam mill-ġdid kellu l-konklużjoni imblokkata.
Ma’ ftit aktar minn siegħa logħob Michele Marcolini għamel l-ewwel żewġ sostituzzjonijiet fejn daħlu jilgħabu Zack Muscat u Kieron Nwoko flok Alex Satariano u Cain Attard. Żewġ minuti wara anke Mancini daħħal żewġ plejers oħra hekk kif Gianluca Scamacca u Marco Verratti daħlu jilgħabu flok Mateo Retegui u Sandro Tonali.
It-tim Malti kompla jipprova u fil-67 minuta daqqa ta’ ras ta’ Guillaumier għaddiet għoli bit-taljani jirrispondu sekondi biss wara b’ravoxjata mill-isbaħ ta’ Scamacca li Bonello salva b’mod tajjeb.
Kwarta mit-tmiem, Marcolini lagħab żewġ karti oħra hekk kif Nicholai Muscat u Jodi Jones ħallew il-pitch u flokhom daħlu Shaun Dimech u Teddy Teuma.
Fil-77 minuta l-Italja mill-ġdid perikolużi meta konklużjoni ta’ Grifo marret għoli.
Seba minuti mit-tmiem iż-żewġ kowċis wetqu l-aħħar sostitużjoni; b’Rafael Toloi daħal jilgħab flok Giorgio Scalvini u James Brown daħal jilgħab flok Ferdinando Apap.
L-Italja amministraw sat-tmiem bir-riżultati finali jibqa dak ta’ 2 – 0.
Referee: Georgi Kabakov
Attendenza: 16,015
Ritratt: Domenic Aquilina