Taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta, George Vella, għal dawn iż-żminijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, f’Dar il-Meditterran qed jittella’ l-Musical ‘Għalik’ bil-kitba ta’ Mro. Mark Aguis li jittratta d-daħla trijumfanti ta’ Ġesù Kristu f’Ġerusalemm, il-Passjoni, it-Tisliba, il-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu mill-Mewt u l-Glorifikazzjoni fis-sema.
Għalik, li huwa spettaklu tal-ewwel xorta tiegħu f’Malta, jinkludi orkestra sinfonika, diversi kantanti, koristi, atturi u żeffiena imma mhux biss.
“Li huwa importanti f’dan il-proġett li dan huwa programm ta’ inklużjoni, allura fuq il-palk hemm għadd sostanzjali ta’ persuni b’diżabilita li għandhom anki partijiet prinċipali u hemm ukoll karattri ta’ minoritajiet etniċi.”
Dwar il-kostumi esklussivi għal dan il-musical tkellem magħna Noel Zarb ta’ Louie Noir li adatta l-kostumi wara riċerka intensiva.
“Il-kostumi jagħtu l-ħajja lil karattru, l-atmosfera u l-istorja ovvjament, fil-fatt hija b’riċerka wkoll. Mhux ngħid ħa nlibbsu kostum u nlibbsu dan, speċjalment il-karattri prinċipali, eżempju l-Qassisin il-Kbar, il-Fariżej. Importanti li toqgħod attent għall-kuluri u l-background tax-xenarju.”
Din il-produzzjoni, b’kast ta’ ‘l fuq minn mitejn ruħ qed tittella’ b’kollaborazzjoni mad-Dar tal-Providenza, Special Olympics Malta u għadd ta’ artisti lokali fosthom kantanti u żeffiena.