Fl-aħħar jiem, beda x-xogħol ta’ skavar fuq is-sit taċ-ċentru l-ġdid tad-demm, ċelloli u tessuti f’San Ġwann biswit l-Isptar Mater Dei, mifrux fuq medda ta’ erbat elef, mija u ħamsin metru kwadru ta’ art.
Ġaladarba jitlesta, dan se jieħu post il-Bank Nazzjonali tad-Demm preżenti u jżid is-servizzi offruti lill-pubbliku f’dan il-qasam.
Waqt żjara fuq is-sit tal-kostruzzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega kif dan iċ-ċentru se jkompli jżid is-servizzi offruti lill-pazjenti Maltin u Għwadxin fil-qasam tas-saħħa, speċjalment għall-pazjenti li jkunu qed jieħu l-kura għall-kanċer.
“Ftit tal-ġranet ilu beda x-xogħol ta’ skavar u mbagħad tal-bini, ta’ ċentru ġdid għad-demm, ċelloli u tessuti. Dan iċ-ċentru, li huwa ftit ’il bogħod minn Mater Dei, se jservi biex nagħmlu proċeduri ġodda, inkluż tal-istem cell therapy għall-pazjenti li jkunu qed jieħdu trattament qawwi tal-kanċer, kif ukoll se nkunu nistgħu naħżnu u nippreparaw tessuti u organi li nkunu nistgħu nużaw għal donazzjoni.”
Dan iċ-ċentru qed isir b’investiment ta’ tletin miljun ewro, u huwa ko-finanzjat minn Fondi Ewropej mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea.
Ix-xogħol fuqu mistenni jkun lest fis-sena elfejn u ħamsa u għoxrin.