Għawdex issa għandu uffiċini ġodda fejn jistgħu jinqdew il-bżonnijiet tal-anzjani Għawdxin. L-uffiċini jinsabu fil-bini l-ġdid taċ-Ċentru Servizz Anzjani fir-Rabat, Għawdex, li fih saru diversi xogħlijiet.
Waqt il-ftuħ tal-uffiċini, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-uffiċini, għax dawn jassiguraw aċċessibilitá għas-servizzi għall-anzjani Għawdxin.
Huwa spjega li f’dawn il-binjiet qed jiġu proċessati l-applikazzjonijiet tal-anzjani għall-istess servizzi, filwaqt li l-anzjani jkunu jistgħu anke jiksbu aktar informazzjoni dwar is-servizzi li jistgħu jibbenefikaw minnhom.
Il-Ministru Abela qal li s-servizzi offruti fl-uffiċini huma parti minn kullana ta’ servizzi oħra għall-anzjani offruti mill-Gvern.
“Dawn is-servizzi se jkunu qed jikkumplimentaw is-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex, u l-għan hu li r-residenti anzjani Għawdxin jirċievu s-servizz kollu, is-servizz komplut, li jingħata liċ-ċittadini Maltin.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega kif, minn Dar Padova f’Għajnsielem, l-anzjani jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi ta’ teħid tad-demm, servizzi relatati ma’ interventi mit-tim tad-dimensja, servizzi ta’ nutrizzjoni, u servizz ta’ trasport għall-anzjani, fost oħrajn.
Dr De Gabriele spjega wkoll id-differenza kbira li dawn l-uffiċini se jagħmlu fil-ħajja tal-anzjani Għawdxin li jgħixu fil-komunità.
“Dan huwa pass kbir ’il quddiem għax, ovvjament, qabel, l-uffiċċji tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità kienu l-Belt, f’Malta, u allura l-anzjani Għawdxin kellhom bżonn jiġu Malta biex ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt dirett mal-ħaddiema tagħna.”
Anzjani Għawdxin interessati f’xi wieħed mis-servizzi li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jistgħu jimlew l-applikazzjoni li tinsab fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew iżuru dawn l-uffiċini taċ-Ċentru Servizz Anzjani ta’ Għawdex fir-Rabat.